L-Alternattiva Demokratika sostniet li "l-imġiba ta' Konrad Mizzi u ta' Keith Schembri hija totalment inaċċettabbli." L-AD, fi stqarrija li tappoġġja bis-sħiħ il-protesta tas-soċjetà ċivili li se ssir għada, u li qed titlob għar-riżenja ta' Konrad Mizzi u ta' Keith Schembri.
Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, qal, "Aħna nappoġġaw bi ħġargna din l-inizjattiva tas-soċjetà ċivili għaliex Malta għandha bżonn politiċi li jaġixxu b'mod etiku u bl-aktar mod trasparenti."
Cassola kompla jinsisti li, "Keith Schembri qed jilgħabha tal-mummja muta, u Mizzi mbagħad, ħeba l-kumpanija, gideb lin-nies u tmejjel bil-Maltin kollha." Iċ-chairperson ta' AD kompla jisħaq li d-dettalji kollha tal-ftehim u l-kuntratti li kien involut fihom il-Ministru Mizzi, inżammu misturin mill-Maltin kollha.
Cassola temm jitlob għar-riżenja ta' Mizzi u Schembri u qal li, "m'aħniex aktar ngħixu fiż-Żmien Nofsani meta l-baruni fewdali kien jagħmel li jrid. Konrad Mizzi u Keith Schembri jridu jparpru 'l hemm."