Xjentisti mir-Renju Unit għadhom kif skoprew kundizzjoni medika ġdida bl-isem 'Irritable Male Syndrome' li kapaċi ddawwar raġel kunfidenti u pożittiv, f'wieħed li l-ħin kollu jeqred, kollu nervi u negattiv. Din il-kundizzjoni jidher illi hija r-riżultat ta' stress illi jwassal għal tnaqqis qawwi fil-livell ta' testosteron.
Skont rapport li deher fuq in-New Scientist Magazine is-sintomi ta' din il-kundizzjoni huma simili ħafna għal menopawża fejn l-eta' fl-irġiel twassal ukoll għal tnaqqis drammatiku fit-testosteron, simili ħafna għat-tnaqqis fl-estroġenu li jesperjenzaw nisa waqt il-menopawsa.
Evidenza ta' din il-kundizzjoni kienet identifikata għall-ewwel darba fin-nagħaġ minn Dr Gerald Lincoln mill-Unit għax-Xjenzi Riproduttivi u l-Kunsill għar-Riċerka Medika. Fil-Ħarifa il-livelli ta' testosteron jitla' ħafna imma imbagħad jinżel ħafna fix-Xitwa u jitilfu l-interess għas-sess. Minn testijiet li saru instab li anke iljunfanti u ċriev irreaġixxew bl-istess mod.
Dr Lincoln huwa irraportat li qal illi għalkemm kollox jindika li din il-kundizzjoni hija fenomenu ġenwin, xorta għad fadal isir aktar riċerka.