Ftiti mijiet inġabru quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta dalgħodu għall-protesta organizzata mis-Soċjetà Ċivili quddiem il-Parlament, fil-Belt Valletta. Liema protesta qed issejjaħ għar-riżenja jew tneħħija tal-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi u ċ-chief of staff fl-OPM Keith Schembri wara li ħareġ fid-deher li dawn it-tnejn kellhom kumpaniji fil-Panama u divrsi trusts u investimenti oħra barra l-pajjiż.
Il-protesta, organizzata minn attivisti fis-soċjetà ċivili, immexxijja minn Michael Briguglio bdiet fl-10 ta' dalgħodu, u mhux mistenni jkun hemm diskorsi matulha, waqt li l-organizzaturi ħeġġu biex dawk li jattendu jieħdu magħhom bnadar u kartelluni.
Il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u ċ-chairperson ta' Alternattiva Demokratika se jkunu qed jattendu din il-protesta waqt li diġà dehru diversi deputati parlamentari Nazzjonalisti fosthom Karl Gouder u Francis Zammit Dimech, u s-segretarju ġenerali Rosette Thake, fost diversi kunsilliera u attivisti oħra tal-Partit. Għall-protesta attendew ukoll il-preżentatur Salvu Mallia, rappreżentanti tal-UĦM u membri tal-Moviment Graffiti, fost l-oħrajn.