
Owen Bonnici: 'Irrid nara l-qalb soċjali tħabbat'
L-artiklu ta Owen Bonnici fuq l-ILLUM fejn jitkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall-Partit Laburista u jwiegħed li se jistinka għal aktar ġustizzja soċjali u kontra l-faqar u l-prekarjat
minn Staff Reporter

"Dik li qed ngħixu llum f’pajjiżna hija esperjenza pożittiva ta’ ġenerazzjoni rebbieħa. Irġiel, nisa, żgħażagħ u anzjani Maltin u Għawdxin li, anke jekk ma jaqblux f’kollox, għażlu li jiskartaw is-sens ta’ inferjorita' u jingħaqdu f’mentalita ta’ ottimiżmu.
Hija din il-ġenerazzjoni rebbieħa li Dr Joseph Muscat ried imexxi ‘l quddiem sa mill-ewwel jum tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Laburista. Kienet għażla ta’ Mexxej determinat li għaraf li, biex tegħleb l-isfidi, irid qabel xejn ikollok il-fiduċja.
Dak il-pass saħħaħ fija, l-ewwel wieħed, il-konvinzjoni li l-Partit Laburista, bħala d-dar naturali tiegħi, kien kapaċi jbiddel għall-aħjar il-ħajja tal-familji tagħhna. Ħassejtni b’mod qawwi parti minn dik il-ġenerazzjoni rebbieħa li riedet tbiddel il-politika tal-passat fi proġett għall-preżent u l-futur.
U hekk ġara. Il-Partit Laburista rebaħ l-appoġġ tal-poplu bl-ikbar mandat fl-istorja u beda x-xogħol tiegħu, b’rieda ġdida li n-nuqqas tagħha kien ilu jinħass sew. L-istess ġenerazzjoni rebbieħa li kienet ghazlet bidla cara fl-istil tat-tmexxija, bdiet tbiddel lil Malta f’qasam wieħed wara l-ieħor.
Minn deficit eċċessiv għal ekonomija b’saħħitha. Minn income tax b’rata għolja għal waħda mnaqqsa. Minn kontijiet għoljin u żejt li jniġġeż għal enerġija iktar irħisa u arja iktar nadifa. Minn medicini out-of-stock għal pazjenti moqdija. Minn diskriminazzjoni fuq l-orjentazzjoni sesswali għal drittijiet ċivili ġodda. Minn pensjonijiet staġnati għal żieda fil-pensjonijiet. Minn nuqqas ta’ opportunitajiet għal persuni b’diżabilita għal ftehim mal-employers fuq iktar xogħol għall-persuni b’diżabilita. Minn politiċi li għandhom il-protezzjoni taż-żmien fuq reati ta’ koruzzjoni għat-tneħħija tal-preskrizzjoni u protezzjoni liċ-ċittadini biex jikxfu lill-politiċi.
Dawn il-bidliet, u ħafna oħrajn, għamlu d-differenza. Tixhed l-istatistika u r-rapporti mill-istituzzjonijiet imma anke s-sentiment reali tan-nies. Għaliex din il-ġenerazzjoni tirrikonoxxi li partit fil-Gvern għandu jwettaq dak li jwiegħed, u għandu jwettaq tul il-ħames snin.
Xejn ma ġara b’kumbinazzjoni. Il-politika hija mibnija fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet. Verament nemmen li s-suċċess jasal jekk tkun kapaċi tieħu d-deċiżjoni t-tajba fil-ħin it-tajjeb.
Fadal ħafna xogħol xi jsir fis-sentejn li jmiss għal din il-leġislatura, li imbagħad iwassluna biex nitolbu l-fiduċja tan-nies għall-ħames snin ta’ wara. Konvint li dan huwa mument kruċjali għall-pass li jmiss minn din il-ġenerazzjoni rebbieħa.
Jien lest biex nagħti sehem iktar dirett, bis-saħħa kollha tiegħi, għal dan il-pass li jmiss. Kien għalhekk li fil-jiem li għaddew ħabbart li qiegħed noffri li nservi lill-Partit Laburista bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Ħadt din id-deċiżjoni, kif nagħmel ta’ kuljum, b’serenita u kuraġġ wara li smajt il-fehma ta’ bosta delegati u membri tal-Partit Laburista.
Apprezzajt ħafna t-talbiet tagħhom biex jiena nagħti kontribut fil-Partit Laburista li tant iħobbu. Iżda iktar minn hekk ammirajt l-aspirazzjonijiet li għandhom. Fejn iridu li jmur il-Partit f’dan il-pass li jmiss. Naqbel magħhom fuq punt krucjali: il-kariga ta’ Deputat Mexxej trid tagħti stabbilita' u dinjita'.
Dawn huma żewġ ingredjenti li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom fiż-żmien li ġej. Għaliex ituna s-serħan il-moħħ, it-trankwilita', l-awtorita' biex niffukaw għal kollox fuq il-ħidma, il-kisbiet u l-pjan tagħna għal Malta aħjar.
Irridu nifhmu li bħalissa pajjiżna għandu Oppożizzjoni bl-iktar Kap dgħajjef fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk l-unika arma tagħha hija l-attakki personali. Huwa ċar li se jkun hemm strateġija aggressiva fejn isegwu kull pass tagħna, ifittxu fuqna u jidħlu fil-ħajja privata tagħna biex ikollhom ċans jattakkaw lill-Partit Laburista.
Dan ipoġġi fuqna piż ikbar minn qatt qabel fuq l-imġieba tagħna. Bir-rispett kollu m’aħna se nieħdu ebda lezzjonijiet minn Simon Busuttil. Imma n-nies, bir-raġun, tistenna mingħandna l-għola livell ta’ korrettezza wara 25 sena ta’ skorrettezzi.
The worst is yet to come mill-Oppożizzjoni. La ma tistax tilgħab, se tkompli tipprova tħassar. Propju għalhekk aħna rridu nwieġbu bl-istabbilita' u d-dinjita'. Ix-xogħol immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat jrid ikompli jieħu spinta ‘l quddiem, bla ma nħallu lil xejn u ħadd itappan ħidmietu u fl-istess waqt b'energija bla precedent.

Irrid li l-Partit Laburista ikun sod fit-tħaddim tal-valur tal-ġustizzja soċjali f’pajjiżna Owen Bonnci
L-ideat għal pajjiżna u l-konvinzjoni għandhom ikunu r-risposta għall-istrateġija negattiva ta’ Simon Busuttil.
Aħna differenti u ghalhekk il-poplu fdana. Jien irrid li l-Partit Laburista ikun sod fit-tħaddim tal-valur tal-ġustizzja soċjali f’pajjiżna. Naf x’iġifieri. Ġej minn background umli, familja ta’ nies li jghixu bil-paga. Dejjem ħdimt u stinkajt biex nimxi ‘l quddiem. Issa, dak li għext jien tul is-snin, nixtieq inkun f’pożizzjoni li nwettqu għal ħaddieħor.
Irrid li kull tifel u kull tifla f’pajjiżna, huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin, ikollhom l-opportunita' jirnexxu, jagħmlu suċċess fis-soċjeta tagħna. Inweġġa hafna meta nidħol f’dar u nsib familja li qatgħet qalbha mill-futur.
Bl-użu tal-aqwa għodda għas-solidarjeta soċjali, iġifieri l-edukazzjoni u x-xogħol, jien inħoss dmir u responsabbilita' li nkompli nagħti n-nifs kollu tiegħi biex aktar familji jingħataw imbottatura ‘il fuq billi Malta ssir dejjem aktar l-art tal-opportunitajiet għal kulħadd.
Irrid inkun fuq quddiem nett biex il-Partit Laburista jsus wara l-Gvern biex jaqta' iktar il-faqar, jiġġieled iktar kontra l-prekarjat u jtejjeb iktar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha.
Hija din il-qalb soċjali li rrid nara tħabbat f’kull ħin u kull mument tal-ħidma u l-impenn tiegħi u tal-Partit Laburista Owen Bonnici
Hija din il-qalb soċjali li rrid nara tħabbat f’kull ħin u kull mument tal-ħidma u l-impenn tiegħi u tal-Partit Laburista b’risq il-Maltin u l-Għawdxin, l-aktar dawk fil-bżonn.
Id-delegati tal-Partit Laburista jafu li, fl-aħħar konferenza ġenerali, flimkien emendajna l-istatut biex inwessgħu l-għażla ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit b’mod li anke Membri Parlamentari jkunu jistgħu jikkontestaw biex jagħtu s-sehem tagħhom. Ħadna din id-deċiżjoni, fuq parir tal-Prim Ministru stess, għaliex nifhmu li hemm bżonn ta’ sinerġija aħjar bejn il-Partit Laburista u l-Gvern.
Fid-diskussjonijiet li kelli mad-delegati laburisti fl-aħħar żmien, stajt nifhem iktar ix-xewqa ġenwina tagħhom għal iktar attenzjoni. Filwaqt li l-istampa l-kbira fil-ħidma tal-Gvern tista tidher bħala waħda li taqta lill-politiku minn mal-għeruq tiegħu, jien konvint li l-ħidma tal-Gvern tista tkun waħda li torbot intrinsikament mal-bżonnijiet u l-ambizzjonijiet tan-nies tagħna.
Għalhekk ikkommetejt ruħi magħhom li, jekk ningħata l-fiduċja bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, se nkun qed niftaħ ħin u spazju ġdid u regolari, b’mod strutturat, biex id-delegati, membri u attivisti biex ukoll jagħtu l-parti tagħhom fis-suċċess li qed jagħmel il-Partit tagħhom fil-Gvern b’risq pajjiżna.
Qed inħares ‘il quddiem b’entużjażmu għal din il-missjoni politika. Dan il-pass li jmiss irrid nimxih flimkien mal-ġenerazzjoni rebbieħa billi nkompli nkattar l-ottimiżmu, naħdem għall-bidla li qed isseħħ, u niddedika ruħi biex, bil-ġenerazzjoni ta’ aktar ideat pożittivi għal Malta, il-Partit Laburista jikkonvinċi aktar li huwa l-għażla naturali tal-progressivi u l-moderati f’dan il-pajjiż li tant ngħożżu."
