Min imexxi l-iStrickland Foundation kien il-Kap tal-Ministeru ta’ De Marco

....jiċħad bl-aktar mod kategoriku u qawwi  li hu qatt kien jew hu 'Campaign Manager' ta' Mario De Marco

Peter Portelli fuq ix-xellug ta' Mario De Marco
Peter Portelli fuq ix-xellug ta' Mario De Marco

L-eks Segretarju Permanenti ta’ Mario De Marco, Peter Portelli huwa ċ-chief executive officer ta’ Strickland Foundation, waqt li għandu impjieg full-time mal-Gvern fejn għandu paga ta’ iktar minn €40,000. Strickland Foundation hija l-ikbar azzjonista tal-gazzetta The Times. Portelli, li qabel kien fis-segretarjat f’Kastilja ma’ Richard Cachia Caruana kien spiċċa ma’ De Marco meta kien responsabbli mit-turiżmu. Portelli kkonferma mal-ILLUM li huwa CEO part-time mas-Strickland Foundation.

Mario Demarco dejjem qal li hu m’għandu l-ebda influwenza fuq dak li jiġri t-Times. Nies li jaħdmu mat-Times qalulna li inflwenza fuq it-Times dejjem kienet hemm u safrattant kien hemm prassi fil-passat li l-editorjali jintbagħtu lil ċerti membri ta’ Strickland foundation.

 ‘La jien u lanqas qatt kont campaign manager ta’ Demarco’

Ironikament, il-kittieba fil-gazzetta Independent, Daphne Caruana Galizia allegat li l-gazzetta The Times kienet inflwenzata editorjalment minn Keith Schembri minħabba r-rabta ma’ Adrian Hillman. Sa ftit ġimgħat ilu, De Marco kien l-ikbar ħabib ta’ Hillman. Imma wara li Hillman ma baqax Direttur Manaġerjali, De Marco għamel minn kollox biex ma jkollux x’jaqsam ma’ Hillman.

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM jekk huwiex campaign manager ta’ Mario DeMarco, Portelli ċaħad bil-qawwi li hu għandu x’jaqsam. “Assolutament le. La jien u lanqas qatt kont campaign manager ta’ De Marco. Xorta fil-kariga li għandi mal-Gvern lanqas nista’ nagħmel dan.”

Portelli kkonferma li bħalissa qed jaħdem mill-bini ta’ Heritage Malta imma ċaħad li b’xi mod huwa impjegat ma’ din l-entità. “Iva, jien għandi uffiċċju fil-bini ta’ Heritage Malta fejn naħdem fil-pożizzjoni tiegħi maċ-ċivil, imma ma naħdimx ma’ Heritage Malta.”

Portelli kkonferma wkoll li hu jaħdem bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Strickland fuq bażi part time. Meta mistoqsi kif ilaħħaq ma’ impjieg full-time fiċ-ċivil u xogħol bħala CEO tal-Fondazzjoni Strickland Portelli wieġeb li, “ma nafx x’qed timmaġina li hija l-Fondazzjoni, kull m’hemm huwa jien bħala Kap Eżekuttiv u l-ġardinar, bħala impjegati ta’ din il-fondazzjoni.”

L-Istrickland Foundation hija effetivament propjetarja tat-Times u kif ukoll ta’ ħafna propjetaijiet oħra.

Mal-ILLUM, Portelli saħaq li biex hu seta’ jaħdem bħala CEO tal-Fondazzjoni, kellu jitlob permess mingħand il-Gvern, liema permess “ingħatali minn żewġ Ministeri, dak tat-turiżmu u dak tal-kultura.”

Mal-ILLUM huwa kompla jgħid li pariri lil eks-Ministri Nazzjonalisti ġieli ta, “imma nerġa’ ntenni li qatt ma kont qed imexxi l-kampanja ta’ De Marco.” Mistoqsi jekk hux parti mit-tim li jikkampanja għal De Marco, Portelli ċaħad u qal li hu qatt ma kkampanja għall-ebda politiku.

More in Politika