Simon Busuttil illejla ta’ lil wieħed x’jifhem li jekk il-Maġġur Eugenio Caruana ma jiġix irtirat mill-ħidma tiegħu ta’ sigurtà fil-Parlament u l-iSpeaker jiddeċiedi li jżommu, il-membri nazzjonalisti jirregulaw ruħhom huma. Huwa qal lil Farrugia li l-ewwel dmir u lealtà tiegħu għandha tkun lejn min ġie elett fil-Parlament u widdbu: “Iġġiegħilx lilna nagħżlu bejn li nidħlu fil-parlament jew le”.
Busuttil qal li l-obbligu għandu jkun li pulizija fil-Parlament, nazzjonalisti jew laburisti, jaqdu d-dover b’lealtà lejn kulħadd. Huwa qal li Caruana dan m’għamlux għax mhux biss attakka lil membri tal-oppożizzjoni fuq Facebook qabel ingħata l-aħħar ħatra izda anke kkritika lill-arċisqof.
Busuttil qal dan wara li l-ispeaker ġibed l-attenzjoni tal-membru parlamentari nazzjonalista Claudette Buttigieg għal artiklu li kitbet fil-Malta Indipendenti tikkritika r-ruling li l-ispeaker ta l-ġimgħa l-oħra dwar il-kwistjoni.