Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jiftħu kontijiet Żvizzeri

Skont il-Panama Papers, saru numru ta' attentati biex jinfetħu kontijiet bankarji madwar id-dinja kollha

Il-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi u ċ-chief of staff Keith Schembri, pruvaw jiftħu kontijiet mas-sussidjarju fil-Panama tal-bank Żvizzeru BSI, f'Diċembru li għadda. Dan ġie rrappurtat mill-ġurnal The Times li spjega kif Mizzi u Schembri riedu jiftħu dawn il-kontijiet għall-kumpaniji li għandhom fil-Panama, li magħhom huma konnessi t-trusts fi New Zealand.

Emails li ġew leaked mill-kumpanija Mossack Fonseca wrew kif Mizzi u Schembri ġew infurmati minn Nexia BT li kienu saru numru ta' attentati biex jinfetħu kontijiet bankarji għall-kumpanija tagħhom fil-Panama, madwar id-dinja kollha. 

F'emails datati f'Novembru li għadda, Karl Cini f'isem Nexia BT qal li kien f'kuntatt mal-klijenti tiegħu (Mizzi u Schembri), u kienu qed jistaqsu dwar kontijiet mal-Bank Żvizzeru BSI. Intqal ukoll li Cini staqsa dwar l-ammont minimu ta' flus li jeħtieġ li jinżammu fil-kont biex dan jibqa' miftuħ. Fl-istess waqt, email intern ta' Mossack Fonseca żvela kif is-sussidjarju tal-bank Żvizzeru BSI kien se jaċċetta depożitu inizjarju ta' $100,000. Fl-istess email intqal ukoll li l-kont jingħalaq jekk jiġu depożitati inqas minn $800,000 f'sena waħda. 

Sakemm wasal dan iż-żmien bil-korrispondenza mal-bank, Mizzi u Schembri kienu diġà ġew rifjutati li jiftħu l-kontijiet ma' banek differenti minħabba l-pożizzjoni ta' 'politically exposed persons' tagħhom.

More in Politika