Commodini Cachia se tmexxi delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fiċ-Ċina
More in Politika
L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia nħatret Kap ta’ delegazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew waqt żjara fiċ-Ċina. Id-delegazzjoni se tkun involuta f’taħdidiet bilaterali fuq aspetti differenti tad-Drittijiet tal-Propjetà Intelletwali (IPR), il-copyright, żviluppi fuq ir-regolamentazzjoni f’setturi bħar-robotika u l-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll se tkun involuta f’diskussjonijiet fuq il-liġijiet imprenditorjali u l-governanza korporattiva.
Therese Comodini Cachia stqarret li “huwa unur għalija li ngħatajt l-inkarigu li mmexxija din id-delegazzjoni tant importanti. L-għan huwa li nwessgħu d-djalogu maċ-Ċina fuq il-prinċipji tal-kummerċ ġust. L-Unjoni Ewropea tinvesti ħafna f’taħdidiet bilaterali sabiex tiżgura li l-kummerċ u l-innovazzjoni fl-Ewropa ma jiġux ippreġudikati b’differenzi fir-regolamentazzjoni u l-infurzar. L-Unjoni Ewropea hija l-ikbar sors ta’ importazzjoni għaċ-Ċina filwaqt li ċ-Ċina hija waħda mill-ikbar swieq ta’ esportazzjoni għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Se nkunu qed niddiskutu kwistjonijiet relatati ma’ ekonomiji mmexxija bl-innovazzjoni, strateġija għad-drittijiet tal-propjetà intelletwali għall-internazzjonalizzazzjoni tad-ditti li tkun tinkludi soluzzjonijiet effettivi għall-ksur tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali, kif ukoll l-iffaċilitar ta’ strutturi tal-governanza korporattiva. L-użu ta’ robotika industrijali magħmula fl-Ewropa u l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali li qed jikber fiċ-Ċina. Se niddiskutu wkoll l-aspetti etiċi u legali relatati ma’ dan is-settur”.
Id-delegazzjoni se tiltaqa’ ma’ uffiċjali mill-Uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, il-Qorti Suprema, il-Ministeru għall-Kummerċ, awtoritajiet nazzjonali, esperti u s-soċjetà ċivili. Id-delegazzjoni se tkun magħmula minn Therese Comodini Cachia bħala l-Kap tad-delegazzjoni (PPE), Mary Honeyball (S&D), Emil Radev (PPE), Angel Dzhambazki (ECR) u Kostas Chrysogonos (EU/NGL).
Matul dawn l-aħħar sentejn, Comodini Cachia ħadmet fuq kwistjonijiet relatati mal-IPR, il-governanza korporattiva, ir-robotika u l-intelligenza artifiċjali. Hija kienet rapporteur tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq l-adattament tal-copyright għad-dimensjoni diġitali. Qed tirrappreżenta lill-PPE fil-working group fuq kwistjonijiet legali relatati mal-iżvilupp tar-robotika u l-intelligenza artifiċjali, u dan l-aħħar ġiet appuntata fil-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Propjetà Intelletwali (EUPIO). Din is-sena, Therese Comodini Cachia rebħet il-premju prestiġġjuż tal-MEP tas-sena fis-settur tal-governanza korporattiva.