Konklużi 291 każ ta' inġustizzja fl-Armata

Il-Ministru Carmelo Abela jfakkar kif il-Gvern biddel sistema ta' promozzjonijiet illi kienet qed toħloq ħafna dubji għal waħda 'trasparenti għall-aħħar' u 'meritokratika'

Il-Ministru Abela ma' membri tal-FAM (Ritratt: Ray Attard)
Il-Ministru Abela ma' membri tal-FAM (Ritratt: Ray Attard)

B'kollox kienu konklużi 291 każ ta' inġustizzja li saret ma' suldati fil-Forzi Armati ta' Malta (FAM) bejn l-2009 u l-2015. Dan żvelah il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fil-Parlament meta kien qed jirrispondi mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Etienne Grech. Dawn il-każi kienu konklużi mill-Ombudsman kif jew il-Bord maħtur apposta. 

Abela fakkar li fl-2009 kienet iddaħħlet sistema fejn il-promozzjonijiet "kienu joħorġu meta jidhirlu l-Kap Kmandant u ġieli damu ħames snin." Huwa kompla jsostni li permezz ta' din is-sistema l-assesjar kien isir mill-Uffiċjal ta' fuq is-suldat li kellu "d-diskrezzjoni kollha ta' kemm jagħti punteġġi lis-subordinati eliġibbli tiegħu...uffiċjal", kompla jgħid Abela fil-Parlament, "seta' faċilment 'jilgħab' bil-punti kif ried hu u dan kien joħloq ħafna allegazzjonijiet ta' inġustizzji."

Il-Ministru Abela fakkar kif minn din is-sena daħlet sistema ġdida li ddeskrivieha bħala "sistema trasparenti għall-aħħar u maħduma biss fuq il-meritokrazija." Huwa qal ukoll li "ddaħħlu ċerti faxex li bejniethom suldat jieħu promozzjoni awtomatika, dment li jkun laħaq ċerti punteġġi bażiċi."

More in Politika