Stħarriġ | Iktar minn 43% jemmnu li Cardona għandu jieħu l-kariga

Madwar 6,000 persuna jivvutaw fl-istħarriġ tal-illum.com.mt...Owen Bonnici b'madwar 1,770 vot tal-qarrejja meqjus bħala t-tieni l-aktar favorit mal-qarrejja tagħna

It-tellieqa għall-kariga ta' Deputat Mexxej issa bdiet
It-tellieqa għall-kariga ta' Deputat Mexxej issa bdiet

43.42%, li jammontaw għal iktar minn 2,500 persuna jemmnu li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona għandu jkun id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Dan joħroġ minn stħarriġ online li sar mill-illum.com.mt matul il-ġimgħa li għaddiet, u li għalih ivvutaw qrib is-6,000 persuna.

Għalkemm l-ammont ta' voti u d-distakk bejn il-kandidati baqa' jvarja, il-Ministru Cardona baqa' jokkupa l-ewwel pożizzjoni sa minn meta nħareġ dan l-istħarriġ fuq is-sit.

Fit-tieni post fl-istħarriġ, ġie l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici li ġabar ftit iktar minn 30% tal-voti, jiġifieri madwar 1,770 persuna, u warajh, bi ftit iktar minn 1,500 vot kien hemm l-eks-President tal-PL, Stefan Zrinzo Azzopardi.

Fil-kummenti li għaddew dawk li vvutaw, ħafna sostnew li Chris Cardona huwa, "l-aktar wieħed li jħoss il-polz ta' dawk il-Laburisti mweġġgħin," u huwa "tarka għall-Partit Laburista." Mario Zammit, fil-kumment tiegħu qal li Cardona huwa l-aħjar għażla għaliex, "hu l-aktar wieħed li ilu fil-partit, u jifhem il-weġgħat tal-Laburisti."

David Portelli, fil-kumment tiegħu fuq is-sit illum.com.mt qal li "Chris Cardona minn dejjem wera x-xewqa għall-kariga, u min għex l-istorja tal-Partit Laburista, hu kellu jintagħżel u fl-2013 kien qed jissemma, imma għażel li jappoġġja lil Louis Grech, b'lealtà sħiħa lejn il-Mexxej."

Min-naħa l-oħra, bosta persuni oħra tkellmu favur il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, fejn minbarra li semmew "il-ħidma sfiqa" tal-Ministru fid-dekasteri tiegħu, persuni oħra sostnew li l-Ministru "għadu żgħir, mimli enerġija, umli u b'valuri soċjalisti għal qalbu." Fil-kumment tiegħu, Neville Vella qal li, "l-Ministru Bonnici l-aktar li joqgħod fil-kariga, għaliex huwa żgħir, enerġetiku u dinamilu li ninsab ċert li se jkompli jsaħħaħ it-tim ta' suċċess ta' Joseph Muscat."

Finalment, kien hemm bosta persuni oħra li sostnew li l-aħjar persuna għall-kariga huwa Stefan Zrinzo Azzopardi, kemm minħabba l-esperjenza tiegħu fil-ħidma tal-Partit bħala president, kif ukoll minħabba li mhuwiex preżentament impenjat b'xi ministeru bħaż-żewġ kandidati l-oħra. Anne Borg, f'kumment li għaddiet fl-istħarriġ sostniet li, "it-tlieta li huma tajbin, iżda l-aħjar għażla għandha tkun Stefan Zrinzo Azzopardi. Huwa kien il-persuna li ħadmet ħafna għall-PL biex rebaħ bosta elezzjonijiet tul l-għaxar snin li dan iservi bħala president tal-PL. Bla dubju li l-PL għandu bżonn is-servizzi tiegħu." Filwaqt li temmet tgħid li, "l-għażla tkun f'idejn id-delegati."

L-elezzjoni għall-din il-kariga se ssir bejn il-Ħamis 9 u l-Ġimgħa 10 ta' Ġunju, u f'każ ta' bżonn, is-Sibt 11 ta' Ġunju.

More in Politika