'Il-PN kien ixxukjat li xi familji ma setgħux ilaħħqu mal-ħajja'

Il-Partit Nazzjonalista lest li jiddiskuti żieda fil-paga minima

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa lest li jiddiskuti żieda fil-paga minima. Dan jiġi wara li lbieraħ, l-aġenzija Caritas nediet rapport dwar il-faqar li wera li huwa ferm diffiċli jew kważi impossibbli li familja tgħix bil-paga minima, fejn fost l-oħrajn, ġenitur waħdu b'żewġt itfal jeħtieġ mal-€100 iktar minn dak li attwalment jaqla' bil-paga minima.

F'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-shadow minister għall-ġustizzja soċjali Paula Mifsud Bonnici, intqal kif il-Partit Nazzjonalista kien ixxukjat bir-riżultati li ħarġu minn dan ir-rapport, li juri li xi familji ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja.

"Il-PN se jkun qed jiltaqa' mal-Caritas stess u ma' organizazzjonijiet oħra sabiex jiddiskuti l-propsti li saru, inkluż iż-żieda fil-paga minima," żiedet tgħid id-deputata Nazzjonalista. Qalet ukoll li l-Partit, jiddeċiedi jekk jappoġġjax din iż-żieda biss wara li d-diskussjonijiet neċessarji jkunu saru.

Fir-rapport tagħha, il-Caritas sostniet li żieda fil-paga minima eventwalment tkun qed tagħti spinta lill-ekonomija, u twassal biex in-nies jużaw iktar flus sabiex jixtru l-affarijiet bażiċi. Dwar dawn il-proposti, u oħrajn li saru mill-Caritas, Mifsud Bonnici qalet kif il-PN huwa dispost li jiddiskuti tali rakkomandazzjonijiet.

Mifsud Bonnici sostniet li l-PN huwa serjament imħasseb bir-riżultati tal-istudju, u żiedet tgħid li taħt dan il-gvern, il-faqar mhux talli sparixxa, imma żdied, li huwa bil-kontra ta' dak li kien wiegħed il-PL fil-manifest elettorali tiegħu.

More in Politika