Skema ġdida ta' għajnuna għall-libreriji lokali
More in Politika
Waqt żjara fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara fejn ra l-aħħar xogħol ta’ tisbiħ fil-librerija tal-komunità, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo ħabbar skema ġdida ta’ għajnuna lill-kunsilli lokali li għandhom librerija fil-komunità tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq fuq l-importanza li l-libreriji fil-komunità jinżammu ħajjin sabiex ikompli jitkattar id-delizzju tal-qari. “Nafu kif it-teknoloġija bidlet il-mod ta’ kif ngħixu u kif it-tfal il-ħin kollu jridu jilgħabu xi video games, imma ma nistgħux ninsew l-importanza tal-qari u li għandna nżommu bilanċ ta’ kif inqassmu l-ħin,” qal is-Segretarju Parlamentari. Huwa għamel referenza wkoll għall-programmi li qed iwettaq dan il-gvern kontra l-illiteriżmu u fakkar kif numru sabiħ ta’ kunsilli lokali qed jieħdu sehem f’dawn il-programmi flimkien man-National Literacy Agency, l-iskejjel u l-libreriji.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-libereriji mhumiex hemm biss għat-tfal, iżda huma riżorsa siewja għall-komunità kollha, “speċjalment għal nies ta’ ċertu età li mhux biss jistgħu jagħmlu użu mill-kotba imma jistgħu jinvolvu ruħhom f’inizjattivi żgħar organizzati mill-kunsilli lokali, bħal per eżempju dawk fejn it-tfal jaqraw xi storja ħelwa lill-anzjani.” Huwa ħeġġeġ lil dawk li għandhom għal qalbhom il-komunità u li għandhom xi ftit tal-ħin x’jiddedikaw, biex jgħinu fil-librerija sabiex ikunu ta’ servizz għall-komunitajiet tagħhom.
“Jiena nemmem li l-libreriji pubbliċi għandom ikunu mezz ta’ kif ngħaqqdu l-komunità flimkien, mezz ta’ kif inżommu l-identità tal-lokalità, mezz ta inklużjoni soċjali, mezz ta’ tagħlim matul il-ħajja, u mezz ta’ kif il-komunità taħseb f’kulħadd u li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Buontempo.