Tliet snin wara...Simon impressjona jew iddiżappunta?
Simon Busuttil jagħlaq tliet snin Kap tal-PN. L-ILLUM tanalizza fejn Busuttil sejjer tajjeb u fejn le
minn Albert Gauci Cunningham
Simon Busuttil ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista tliet snin issa u għalkemm dan l-anniversarju ma tantx kien iċċelebrat b’pompa lanqas mill-PN stess, ta’ min wieħed iħares kemm jista’ jkun minn lenti oġġettiva, lejn Busuttil u t-tmexxija tiegħu tal-PN.
Wieħed ma jistax janalizza lil Busuttil, la llum, la għada u lanqas fl-annali tal-istorja mingħajr kuntest, u l-kuntest mhux wieħed favorevoli għal dan il-politiku. Bin-nuqqasijiet kollha li jista’ jkollu, Simon Busuttil ħa f’idejh it-tmun tal-PN fl-agħar żmien possibbli. Il-partit kien għadu kif sofra telfa umiljanti, kien tħalla mimli sa ruħ ommu bid-dejn u kellu emorraġija ta’ nies, votanti tradizzjonali tiegħu stess li kienu tawh darhom. Jiġifieri wieħed ma jistax janalizza l-ewwel tliet snin ta’ Busuttil mingħajr il-kuntest tal-istat li kien fih il-PN meta Busuttil beda jmexxih.
Minn lenti oġġettiva, wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix li l-PN illum huwa f’qagħda ħafna aħjar milli kien fl-2013, u raġuni ċentrali għal dan it-titjib huwa Simon Busuttil. Naturalment iżda, żbalji għamel il-PN ukoll u ż-żelqiet ma kinux neqsin. Jibqa’ fatt ukoll li l-akbar imbuttatura lil Busuttil kienu, fir-realtà, żbalji li ħa l-Gvern u skandli li darrsu mhux ftit lill-poplu.
Bħal m’għamlet fl-għeluq it-tielet anniversarju minn meta l-Partit Laburista rebaħ il-Gvern, l-ILLUM qed tħares ukoll lejn diversi setturi fejn il-PN għamel progress kif ukoll fejn baqa’ l-art jew mar għall-agħar.
L-Ambjent: il-PN beda jibni l-ewwel pontijiet
Iva veru, meta l-PN kien fil-Gvern, għamel żbalji ambjentali ħoxnin u kien responsabbli għal eżerċizzju ta’ razzjonalizzar li litteralment ta medded kbar ta’ art lill-iżviluppaturi filwaqt li ħa deċiżjonijiet dubjużi fl-għażla ta’ fuel għall-Power Station u ttituba sew fuq il-Power Station tal-Marsa u t-tankijiet tal-gass u żejt f’Birżebbuġa.
Minkejja dan, il-PN taħt Busuttil organizza konvenzjoni msejħa ‘Idea Ambjent’ li fiha huwa beda jibni l-immaġini ta’ partit li huwa iktar sensittiv għall-ħtiġijiet ambjentali. Busuttil kien fuq quddiem fil-protesta kontra t-teħid ta’ art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) fiż-Żonqor, u deher spalla ma’ spalla ma’ diversi għaqdiet mis-soċjetà ċivili li jikkampanjaw favur l-ambjent u kontra żvilupp bla rażan.
Politikament, Busuttil uża l-ambjent biex jerġa’ jibni l-pontijiet ma’ settur ta’ votanti li kienu ilhom li abbandunaw lill-PN snin twal. Dawn il-pontijiet mhux neċessarjament inbnew, imma tal-anqas, iktar votanti ‘ħodor’ qed jagħtu l-benefiċċju tad-dubju lil dan il-partit.
Għalhekk, fix-xenarju politiku lokali fejn il-kelma, l-opinjoni jew id-direzzjoni tal-kap ta’ partit, isservi ta’ piż u tissensibbilizza lill-għeruq tal-partit dwar kwistjoni partikolari, l-immaġini ta’ Busuttil favur l-ambjent huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
Anke jekk it-test reali huwa fl-iggvernar u allura Busuttil jibqa’ miftuħ għal kritika ġustifikata ta’ konvenzjenza politika, xorta jibqa’ pass pożittiv il-fatt li l-PN iddeċieda li jagħmel l-ambjent wieħed miż-żwiemel elettorali tiegħu.
Governanza: Proposti tajbin jimtlew bit-trab
Fuq dan is-suġġett, Busuttil kien b’saħħtu u dgħajjef fl-istess ħin. Kien b’saħħtu fis-sens li rikeb fuq il-każi tal-Cafè Premiere, l-iskandlu ta’ Strada Zekka/Gaffarena u fl-aħħar xhur fuq il-każ Panama. Iż-żelqiet u l-iżbalji madornali li ħa Gvern Laburista f’dan il-qasam wittew it-triq lil Busuttil biex jipprofessa l-politika tal-onestà.
Kien pass mill-aktar pożittiv li l-PN ħareġ rapport ta’ 51 paġna li fih 109 proposti għall-governanza tajba. Il-proposti jinkludu l-bżonn ta’ approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament għall-karigi għoljin bħal dik tal-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Forzi Armati u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Il-PN ippropona wkoll skrutinju parlamentari fuq l-ambaxxaturi u chairpersons ta’ entitajiet tal-Gvern, li jitneħħew Membri Parlamentari minn awtoritajiet pubbliċi, aġenziji u minn karigi ta’ fiduċja kif ukoll li jkun hemm kodiċi ta’ etika ġdida għall-Ministri. Fost affarijiet oħrajn, il-PN qed jipproponi li kull Ministru jiddikjara kull rigal li jaqla’ u li jkollu valur ogħla minn €150.
Dawn huma kollha proposti pożittivi u hija ħasra li Busuttil minflok ta ż-żejt lill-magna tal-partit biex dawn ikunu diskussi, ħalliehom irabbu t-trab u jintefgħu taħt id-dell ta’ kritika negattiva kontinwa u li tħares, kważi b’mod esklussiv lejn in-nuqqasijiet tal-Gvern u numru ta’ membri tal-kabinett ta’ Muscat. Busuttil missu jagħlef iktar il-fatt li l-Gvern preżenti ma tantx qiegħed f’vena li jiċċertifika proposti tal-PN billi jwettaqhom, u għalhekk minflok juża l-media tal-PN biex jikkritika biss, jużaha aktar biex ifakkar fil-proposti li għamel hu. Dwar l-attakki fuq il-Gvern, se jsib l-appoġġ tan-Nazzjonalisti ħorox biss. Dwar ħafna mill-proposti fir-rapport li ħareġ il-PN stess, hemm ċans li Busuttil ikollu appoġġ ħafna aktar wiesgħa, fost setturi ta’ nies li qatt ma kienu jew m’għadhomx simpatizzanti mal-PN.
Naturalment, bħal f’ħafna oqsma oħrajn Busuttil jibqa’ xi ftit jew wisq imtaqqal mill-passat riċenti tal-aħħar Gvern Nazzjonalista. Il-Partit Laburista mhu se jitlef l-ebda opportunità biex ifakkar jew jikxef stanzi ta’ nuqqas ta’ governanza tajba fl-aħħar snin tal-Gvern ta’ Gonzi. Dwar dawn il-każi, Busuttil ftit għandu kontroll u ftit jista’ jirreaġixxi, anke jekk jaf li huma dawn il-każi li jistgħu jniżżluh ’l isfel u jtellfuh Kastilja.
Għalhekk jeħtieġ li jippompja iktar enerġija fil-proposti tal-PN, li magħhom diffiċli ma taqbilx. Jekk ma jagħmilx dan u se jibqa’ mwaħħal fil-vena preżenti, Busuttil se jkun qed jipperikola dak li bena, bil-Partit Laburista joħroġ b’xi ‘bomba atomika’ ftit qabel l-elezzjoni meta jkun tard wisq biex treġġa’ lura l-ħsara.
Militanti wisq?
Jekk il-proposti tal-PN fil-governanza huma tajbin, mhux l-istess jista’ jingħad għall-mod kif l-istess partit qed iwassal il-messaġġ tiegħu. Kif konna rrapportajna f’analiżi ppublikata fuq l-ILLUM nhar il-Ħadd 17 ta’ April, minn kap ġwejjed u li jidher dgħajjef, Busuttil inbidel f’kap assertiv, xi kultant ixaqleb lejn il-punt tal-agressività.
Din l-attitudni qed tinżel tajjeb mal-għeruq tal-Partit Nazzjonalista, li jridu jaraw kap li se jirrombla kemm jista’ fuq il-Gvern preżenti u speċjalment fuq Muscat. Il-periklu ta’ Busuttil huwa li ħafna drabi, bl-użu tat-tonalità u l-idjoma li qed juża, qed jappella biss għal-hardcore tal-PN, u jinsa li hu jeħtieġ l-eluf kbar ta’ voti li mhumiex Nazzjonalisti biex ikun jista’ jirbaħ elezzjoni. Il-PN, xi minn daqqiet qed juża lingwaġġ li jqarreb lejn il-paranoia, donnu xi ħadd irid jirrombla fuq il-PN, dejjem qisu xi ħadd irid issawwat jew jagħlaq ħalq il-PN. Tant kien imħeġġeġ dan it-tip ta’ diskors u dan il-ħsieb, li bdiet tinħoloq bużżieqa li fiha qagħdu komdi, eluf ta’ votanti Nazzjonalisti, u li kull min kien hemm fiha beda jħoss u jemmen li pajjiżna wasal fuq il-preċipizju finali u fatali. B’konsegwenza kellek it-teatrin assurd quddiem il-Qorti li kien maħluq minn nies li jaħsbu li Malta waslet fix-xifer u li kien jappella biss għal nies li jaħsbu li Malta waslet fix-xifer.
Jidher li f’dan kollu l-PN qed jidher dejjem aktar militanti u dejjem iktar magħmul biss għal dawk li lesti jxejru l-maktur tal-partit biss. L-esklussività mhux se tgħin lil Busuttil, u tista’ tirriduċi lill-partit għal wieħed primarjament u qabel kollox, wieħed kontra dak kollu Laburist.
In-Nazzjonalisti qalbhom qawwija
Wieħed jifhem iżda li partit jeħtieġ li jkollu l-għeruq tiegħu riinvigorati u għalhekk, għalkemm bħalissa Busuttil ma tantx qed jappella għall-votanti msejħin ‘middle of the road’ jew inkella dawk li mhumiex marbutin ma’ karru politiku, xorta jibqa’ ċertifikat pożittiv għal Busuttil li qajjem mill-ġdid il-ħeġġa fost in-Nazzjonalisti.
Busuttil irrealizza li jekk, mill-inqas mhux se jkollu l-eluf ta’ Nazzjonalisti lesti għal battalja elettorali fl-2018, mela allura d-destin politiku tiegħu jkun issiġġillat. Għalhekk l-attakk kontinwu fuq il-Gvern u l-ħolqien ta’ bużżieqa fejn eluf jibdew jemmnu anke jekk mhux minnu, li wasalna f’xifer l-irdum, huma fatturi li jistgħu jidhru bħala neċessarji meta mpoġġijin f’kuntest.
Mingħajr il-ħolqien ta’ dan is-sens ta’ aġitazzjoni u urġenza, Busuttil jista’ jkun li jibża’ li ma jkunx hemm dikotomija wiesgħa biżżejjed li tagħmel id-differenza bejn iż-żewġ partiti waħda reali. Għalhekk, in-Nazzjonalisti li ħassew ħafna l-umiljazzjoni fit-telfa elettorali tal-2013, ma jkollhomx għalfejn jaħdmu għall-partit.
Fin-nofs mhux post tajjeb
Jekk xejn iżda dawn it-tliet snin servew biex juru lil Busuttil li t-triq tan-nofs fi kwistjonijiet importanti u ta’ natura delikata, mhix waħda apprezzata. Il-vot ta’ astensjoni fuq il-Liġi tal-Unjoni Ċivili kien żball kbir li għalih, il-PN ġustament qala’ ħafna kritika. Busuttil u l-PN baqgħu xi mkien fin-nofs fejn jirrigwarda l-kmamar tal-Armier, u mal-ILLUM Busuttil ma xtaqx jirrispondi mistoqsijiet diretti dwar x’jagħmel hu kieku kien Prim Ministru.
Min-naħa l-oħra, il-PN ma ħax pożizzjoni dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa lanqas, anke jekk mhux xi sigriet li l-maġġoranza assoluta tal-bażi ta’ votanti li jivvotawlu kienu kontriha. Busuttil ħa pożizzjoni favur din il-prattika. Naturalment huwa tajjeb li ħa pożizzjoni minflok poġġa fin-nofs, anke jekk din kienet pożizzjoni li nfurjat ħafna Nazzjonalisti.
Tajjeb imma...
Hemm bosta punti li wieħed jista’ jiftaħ dwarhom f’dak li jitratta dawn l-ewwel tliet snin ta’ Busuttil u ħafna minnhom, din il-gazzetta trattathom f’ħarġiet imgħoddija.
Busuttil għamel żbalji u żelqiet kellu wkoll, iżda mingħajr il-kuntest taż-żmien li fih qed imexxi l-PN, ma jistax jitqies bħala kap ħażin. Anzi, minkejja kollox Busuttil irnexxielu jgħolli l-PN mit-trab f’temp ta’ tliet snin.
Meta iżda titfa’ lil Busuttil fil-kuntest taż-żmien, jiġifieri li qed imexxi lill-istess partit wara li l-PN għamel 25 sena fil-Gvern u fi klima fejn eluf kbar huma bierda lejn il-prospett ta’ Gvern Nazzjonalista mill-ġdid, id-dehra tleqq, tibda tittappan. U dan, meta lanqas biss bdejna nikkunsidraw is-saħħa ta’ Muscat u l-appell li għandu fost il-Maltin u l-Għawdxin.
Simon Busuttil jista’ jkun il-kap it-tajjeb, fi żmien verament ħażin.