Żieda fil-benefiċċji tal-pensjoni għal Forzi Dixxiplinati

L-4,500 membru tal-Pulizija, l-Armata, il-Protezzjon Ċivili u l-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, membru li jkun sofra diżabilita’ waqt il-qadi ta’ dmirijietu ser ikun intitolat għal pensjoni daqs li kieku għamel 25 sena servizz

Ftit aktar minn sena wara li l-Korpi Dixxiplinati ingħataw id-dritt tar-rappreżentanza, fil-Union tal-għażla tagħhom, f’diskussjoni li ttellgħet mal-ħames unions tal-Forzi rispettivi, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela ħabbar li issa qed jingħataw titjib fil-benefiċċji tal-pensjoni, li kienu ilhom jistennew għal snin twal. Din timmarka aktar twettiq tal-programm elettorali li tkompli ssaħħaħ il-valur u l-lat uman mogħti lil dawn il-ħaddiema

Huwa ħabbar li grazzi għal tibdil fil-liġi il-madwar l-4,500 membru tal-Pulizija, l-Armata, il-Protezzjon Ċivili u l-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, membru li jkun sofra diżabilita’ waqt il-qadi ta’ dmirijietu ser ikun intitolat għal pensjoni daqs li kieku għamel 25 sena servizz.  Jekk xi membru imut bħala riżultat jew waqt il-qadi ta’ dmirijietu, id-dipendenti ikunu intitolati għal pensjoni.

“Avolja wieħed jawgura li sitwazzjonijiet simili ma jiġrux, xogħolna, hu li naħsbu għal kull eventwalita’ possibli”, qal il-Ministru Abela. Huwa nnota kif filwaqt li l-proposta elettorali kienet telenka li dan id-dritt għandu jingħata lil uffiċjali tal-Pulizija jew Forzi Armati, il-Gvern wessa’ din il-proposta u qed ineħħi anomalija bejn il-membri tal-Forzi Dixxiplinati. B’hekk mhux biss tkun twettqet din il-proposta, talli dan id-dritt qed jingħata lil membri tal-erba’ korpi dixxiplinati kollha.

Il-Ministru Abela semma’ kif fil-passat, membru ta’ Korp Dixxiplinat li jkun  imweġġa serjament mingħajr ħtija tiegħu u matul il-qadi tad-dmirijiet tiegħu, kien intitolat għall-pensjoni.  Żied jgħid li iżda, l-ammont ta’ pensjoni  kienet qed tiġi ikkalkulata fuq kemm id-dannu soffert kien ta’ natura gravi jew permanenti jew ta’ natura temporanja u dan wara li jkun ġie eżaminat minn professjonist mediku. Din il-pensjoni kienet tkun ikkalkulata abbazi ta-rati li ħafna drabi kienu jkun inferjuri għall- pensjoni ‘full’. 

Għaldaqstant huwa saħaq kif il-leġislazzjoni l-ġdida tipprovdi li l-membru tal-Korp Dixxiplinat għandu jkun intitolat għal ħlas pensjonabbli bħalli kieku huwa kien temm il-ħamsa u għoxrin sena servizz jekk hu jkun sofra korriment fiżiku fuq xogħol li jwassal għal diżabilità permanenti u dak il-korriment kienet ikkawżata mingħajr ħtija tiegħu, matul il-qadi attwali ta’ dmirijietu. Jekk persuna tweġġa u ma tkunx tista'  tibqa taqdi dmirijieta għas-sodisfazzjon ta Bord mahtur apposta din tinghata l-pensjoni sħieħa. 

“Xogħol f’forza dixxiplinata jirrikjedi dedikazzjoni u lealta’ kontinwa lejn il-protezzjoni tan-nazzjon. Nagħrfu li dan jirrikjedi wkoll ċertu riskju u sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu. Insellem il-memorja ta’ dawk illi tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijthom. Wasal iż-żmien li mmorru lill’hinn mill-busti u lapidi”, tenna il-Ministru Abela. 

Spjega li meta membru imut waqt il-qadi ta’ dmirijiet, id-dipendenti tiegħu  jkunu ntitolati għal din il-pensjoni. Il-pensjoni għandha tingħata lill-konjuġi superstiti jew sieħeb/sieħba. Fin-nuqqas ta’ konjuġi jew sieħeb/sieħba, it-tfal tiegħu/ tagħha sakemm jilħqu l-eta ta' tmintax il-sena jew jekk jibqgħu jistudjaw sal-eta’ ta’ tlieta u għoxrin sena.

Fin-nuqqas ta' tfal,dan jingħata lill-ġenitur/i jew membru tal-familja għal kollox dipendenti fuqu.  F'dan il-kaz il-pensjoni tingħata għal perjodu ta’ ħames snin mill-mewt tal-membru tal-Korp Dixxiplinat.

“Se nkomplu naħdmu għal aktar serħan il-moħħ kemm għal ħaddiema tal-Korpi nfushom u l’qraba tagħhom”, sostna l-Ministru Abela.

Fit-tmiem tad-diskors tiegħu huwa rringrazzja lil Unions tax-xogħol siewi tagħhom filwaqt li esprima determinazzjoni biex permezz ta’ aktar djalogu u sinerġija mat-tmexxija tal-Korpi Dixxiplinati u l-Unions ikompli jinġieb aktar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema.

 

 

 

More in Politika