Birdlife: 'Il-Gvern ma semax mill-fatti, imma se jisma' mill-FKNK'

"Il-Gvern ma semax mill-fatti xjentifiċi u s’issa ma tax widen għall-appelli biex iwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa. Is-sejħiet li sarulu f’dan is-sens minn BirdLife Malta, mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) u mill-Kummissjoni Ewropea waqgħu fuq widnejn torox. U huwa biss issa – wara li nhar is-Sibt tkellmet il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) – li jidher li se jkun qed jieħu azzjoni u japplika l-moratorju fuq il-kaċċa f’dan l-istaġun."

Dan sostnietu l-għaqda Birdlife li kkwotat rapport tal-gazzetta tal-Partit Laburista li jgħid illi l-Kabinett tal-Gvern se jkun qed jiddiskuti l-moratorju fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa u jidher li se jilqa’ t-talba li għamlitlu l-FKNK.

F’ittra li bagħtet lill-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu, BirdLife Malta insitiet li mhux aċċettabbli li l-Gvern injora l-pariri li ngħata minn BirdLife Malta u mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) u l-parir dirett tal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Karmenu Vella lill-Prim Ministru biex japplika dan il-moratorju, u se jkun biss wara li tkellmu l-għaqdiet tal-kaċċaturi li se jagħti widen. Il-Gvern messu ilu li ħa azzjoni billi qagħad fuq il-fatti xjentifiċi li ma jmerihom ħadd, u mhux qagħad jistenna lill-FKNK titkellem – fatti li juru li l-Gamiema (European Turtle Dove) ġiet ikklassifikata bħala speċi vulnerabbli mill-IUCN minħabba tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni tagħha fl-aħħar snin.
BirdLife Malta dejjem kienet konsistenti fl-argumenti tagħha dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa minħabba li dawn kienu dejjem ibbażati fuq din ir-riċerka u fuq dawn il-provi xjentifiċi. Kien għalhekk li ilha tinsisti li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għandu jieqaf.
Dawn l-aħħar żviluppi jixhdu wkoll b’mod ċar li l-Gvern dejjem ingħata pariri ħżiena mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) u mill-għaqdiet tal-kaċċaturi.
U proprju minħabba dawn il-pariri ħżiena, jidher ċar li pajjiżna issa reġa’ jinsab fil-periklu li jiffaċċja Proċeduri ta’ ksur (Infringement proceedings) tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-Għasafar.
Għaldaqstant jidher ċar li din hija kollha messa in scena u r-raġuni vera għalfejn dan il-moratorju qed jiġi diskuss issa hi purament biex il-Gvern jipprova jevita li jinfetħu Proċeduri ta’ ksur min-naħa tal-UE kontra Malta li jistgħu jwasslu biex jerġa’ jinfetaħ każ ieħor kontra pajjiżna fil-Qorti Ewropea. Filwaqt li l-Gvern jgħid li jrid imexxi lill-pajjiż ’il quddiem fl-oqsma kollha – flekonomija,
fis-saħħa, fl-edukazzjoni u anke fl-ambjent – fil-verità, meta niġu għall-ħarsien tal-għasafar, jibqa’ jinnega l-fatti li ma jmerihom ħadd u l-pariri kollha li ngħatawlu minn dawk li jibbażaw l-argumenti fuq ir-riċerka xjentifika. Imma din mhix logħba u huwa ħażin li din il-kwistjoni terġa’ tispiċċa ballun politiku.

More in Politika