L-opinjonista u l-avukat Anna Mallia hija tal-fehma illi Keith Schembri, ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, m'għandux jirreżenja u li m'għandu jagħti spjegazzjoni li ħadd dwar il-kumpaniji tiegħu. F'artiklu li qed jidher fuq il-gazzetta l-orizzont tal-lum Mallia tfakkar illi "Keith Schembri huwa persuna li kien fin-negozju snin qabel ma sar Segretarju privat tal-Prim Ministru. La legalment u lanqas etikament ma rriżulta li sar xi ħaġa ħażina u ma għandu jagħti spjegazzjoni lil ħadd ta' x'għamlu l-kumpaniji tiegħu u x'għamel hu sakemm laħaq segretarju privat." Mallia tkompli bid-difiża tagħha għal Schembri billi tgħid illi jekk hemm responsabilita' x'tinġarr din għandha tinġarr mill-ewwel ġurnata li Schembri inħatar Segretarju privat.
Iżda ma' dan ma taqbilx id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia li meta kkuntattjata minn l-illum.com.mt sostniet illi dak li ġara qabel Schembri beda jaħdem fl-Ufiċċju tal-Prim Ministru huwa fl-interess pubbliku "għax kien hu l-moħħ u wara l-kampanja elettorali." Hija fakkret ukoll kif Schembri kien fetaħ kumpanija l-Panama wara li nħatar Chief of Staff u ma' dan is-sit allegat illi "l-iskandli ta' dan il-Gvern huma lkoll ġejjin mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru." Meta l-illum.com.mt staqsiet jekk hux qed talludi li l-iskandli ġejjin minn Schembri nnifsu hi ma rrispondietx b'mod dirett u semmiet kif illum kull kwistjoni ta' negozju trid tgħaddi minn Kastilja, "eta qabel kollox kien jgħaddi mill-Privatisation Unit."
Il-mozzjoni ta' Marlene Farrugia kienet ħela ta' ħin
Anna Mallia tkompli l-artiklu tagħha billi tikkritika l-mozzjoni li ressqet id-Deputata Marlene Farrugia u tgħid li din kienet "ħela ta' ħin u flus pubbliċi u intiża biss biex tagħti exposure b'xejn lil dawk il-membri tal-Parlament li qed jipproponuha u ħela ta' ħin lill-Gvern fil-ħidma Parlamentari tiegħu."
Ma' dan, naturalment, ma taqbilx Marlene Farrugia li ddeskriviet il-linja ta' ħsieb ta' Mallia bħala wieħed "perikoluż immens". Hija tgħid li l-ħela ta' ħin u t-tul li d-diskussjoni dwar il-kwistjoni hija tort tal-Gvern, "għax ippersista li jżomm Ministru li kien involut fil-Panama Papers meta fl-Iżlanda u Spanja Ministri li kienu involuti lkoll irreżenjaw."
Farrugia tkompli tgħid li "l-PM ma ħax passi, dawn ma rreżenjawx u l-awtoritajiet ma' ħadux il-passi neċessarji. Dan apparti li kellna riżenja ta' Kummissarju tal-Pulizija."
Hemm bżonn li l-libelli jinstemgħu b'urġenza
Fl-artiklu tagħha Mallia tgħid illi jekk il-Gvern u l-Partit Laburista jrid li l-kwistjoni tal-Panama tingħalaq kemm jista jkun malajr, għandu jara li l-kawżi ta' libell li fetħu fil-konfront ta' numru ta' gazzetti jinstemgħu b'urġenza. "Rajna fil-każ ta'proċeduri keiminali ta' malfama li kellu Jason Azzopardi, dawn instemgħu f'ġurnata waħda u ġew deċiżi fi żmien 15-il ġurnata mill-Maġistrat Joe Mifsud. Ma kien hemm ebda obbligu legali li jagħmel dan Mifsud, iżda hekk ħass u hekk għamel u għamel sew."
Tkompli tgħid li huwa fl-interess ta' Mizzi u Schembri "li jagħmlu rikorsi ħalli dawn il-kawżi jinstemgħu b'urġenza u jingħalqu qabel l-elezzjoni li ġejja." Mallia tistaqsi x'jiswa li tagħmel dawn il-kawżi ta' libell jekk imbagħad is-sentenza tingħata erba' jew ħames snin wara.
Fl-artiklu tagħha l-avukata Mallia tipproponi li Kummissjoni, simili għal-Libel Reform Commission fl-Ingilterra, biex tibda tisma' l-libelli minflok il-Qorti. Farrugia tiddeskrivi dan id-dewmien biex jinstema' libell bħala konferma ta' kemm l-affarijiet fil-Qorti għadhom mwaħħlin