Fil-Kwartieri tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-Ambjent (United Nations Environment Assembly), f’Nairobi l-Kenja, José Herrera żamm l-ewwel impenn tiegħu barra l-pajjiż bħala l-ministru l-ġdid tal-ambjent fejn attenda għall-UNEA 2. Il-UNEA2 kellha bħala tema prinċipali l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li Malta qed tappoġġja. Waqt is-sehem tiegħu fit-tieni sessjoni ta’ din l-Assemblea tal-Ġnus Magħquda, il-Ministru Herrera ngħaqad mal-gvernijiet ta’ aktar minn 190 pajjiż differenti li kienu qed jieħdu sehem sabiex tittieħed azzjoni globali u jiġu indirizzati d-diversi sfidi tal-ambjent madwar id-dinja. F’Nairobi l-Ministru José Herrera attenda għal Ministerial Breakfast organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Olanda li bħalissa hija inkarigata mill-Presidenza tal-UE, u pparteċipa waqt Ministerial Round Table li ddiskuta ‘Ambjent b’Saħħtu, Nies b’Saħħithom’. Il-Ministru Herrera ltaqa’ mal-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent Karmenu Vella kif ukoll mal-Ministru tal-Ambjent tal-Olanda li mexxiet il-laqgħat tal-ministri.
Ambjent b’Saħħtu, Nies b’Saħħithom
‘Ambjent b’Saħħtu, Nies b’Saħħithom’ hija t-tema ta’ rapport imħejji min-Nazzjonijiet Uniti u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fost l-oħrajn. Dan ir-rapport iqis ir-rabtiet li jeżistu bejn l-iżvilupp, l-ambjent u t-tgawdija tad-drittijiet umani filwaqt li jieħu kont tas-sitwazzjoni preżenti fl-isfont tal-Aġenda 2030 u l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Ministru José Herrera saħaq fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni integrata ħalli jiġu żviluppati l-ambjent u s-saħħa.
“Is-sinerġiji jridu jeżistu mhux biss bejn l-ambjent u s-saħħa imma anke mal-iżvilupp ekonomiku. M’hemmx żvilupp ekonomiku jekk dan ma jkunx jikkumplimenta kwalità ta’ ambjent, saħħa u ħajja aħjar. L-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy) għandha l-kapaċità li tipprovdi l-aqwa inċentivi biex issir il-bidla”, tenna José Herrera. Il-Ministru żied li Malta tista’ sservi ta’ eżempju għall-bqija tal-pajjiżi madwar id-dinja hekk kif bħalissa tinsab fi stadju avvanzat biex timplimenta l-istrateġija l-ħadra.
“Ma nistgħux nitkellmu fuq ambjent b’saħħtu u nies b’saħħithom jekk il-kwalità tal-arja ma tkunx b’saħħitha”, tenna Herrera. Fakkar li s-sena li għaddiet Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis mill-bqija tal-pajjiżi tal-UE fin-nuqqas ta’ emissjonijiet fl-arja mis-CO2. Dan kollu qed isir grazzi għat-tibdiliet u d-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern, fosthom l-għeluq tal-power station tal-Marsa u l-qalba tal-power station għall-gass.
Fil-Kenja l-Ministru Herrera kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Joseph Caruana fost l-oħrajn.