Mingħajr pjanar sura ta’ nies ikollna sfreġju kbir’

Il-postijiet vakanti jistgħu jkunu s-soluzzjoni?

Mhix xi ħaġa komuni li ssib argument dwar l-ambjent u d-dehra tiegħu, li kemm żviluppatur, kif ukoll ambjentalista jaqblu dwaru. Minkejja dan, kemm il-president tal-Malta Developers Association, Sandro Chetcuti, kif ukoll il-ko-ordinatriċi ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar, Astrid Vella jaqblu li fejn għandhom x’jaqsmu l-binjiet għoljin     li jeżistu diġà jew li huma proposti, għandu jiġi kkunsidrat pjanar serju u ħolistiku qabel ma dan effettivament isir, għaliex wara, ikun tard wisq.

L-impatt ta’ dawn il-binjiet fuq żoni partikolari f’Malta reġa’ qam minħabba pjanijiet u disinji artistiċi ta’ proġetti ġodda li qed ikunu proposti f’żoni differenti partikolarment Tas-Sliema u San Ġiljan.

Dan il-fenomenu mhux xi ħaġa tal-lum, iżda jqum minn żmien għal żmien, skont jekk ikunx propost xi żvilupp kemxejn partikolari, jew fid-daqs tiegħu jew fiż-żona proposta.

Fil-fatt, wieħed jiftakar fil-protesti li kienu ġew organizzati fl-1997 meta kien ġie propost li jinbena proġett li jinkludi fih torri ta’ 22 sular f’San Ġiljan. Illum il-ġurnata, kulħadd dara jara bini bil-ħġieġ, li jidher minn kull fejn tkun, meta tħares lejn in-naħa ta’ San Ġiljan. Però, dakinhar meta ġie propost li jinbena dak li sal-lum għadu l-itwal bini f’Malta, kien inqala’ kjass sħiħ b’diversi protesti fosthom strajk tal-ġuħ quddiem Kastilja li dam ġimgħa, u ntemm biss bl-involviment tal-ombudsman li kien ippropona xi bdil fil-liġijiet dwar it-trasferiment tal-art, li eventwalment ġew implimentati.

Ovvjament, l-introduzzjoni ta’ proġetti infrastrutturali ġodda timplika li se jkun hemm bidla fid-dehra tal-post li fih se jsir it-tibdil, u r-reazzjoni għal dan tista’ tkun diversa. Uħud jaraw proġetti maġġuri li se jkunu qed jittrasformaw iż-żona, bħala sinjal ta’ progress għaliex iqabblu dan il-bini, u ż-żona ma’ postijiet moderni simili barra mill-pajjiż. Oħrajn jarawh pożittiv ukoll għaliex iqisu dan l-iżvilupp bħala ċertifikat pożittiv għall-ekonomija.

Mill-banda l-oħra, sezzjoni oħra jaraw dan bħala rigress minħabba li jkun qed isir stress żejjed, fuq l-infrastruttura preżenti bħat-toroq, traffiku, servizzi ta’ dawl u ilma, fost l-oħrajn. Dan minbarra l-impatt ambjentali li proġetti bħal dawn iħallu, fosthom il-bidla permanenti tad-dehra, dak li bl-Ingliż insejħulu ‘skyline’.

Imbagħad issib sezzjoni ta’ nies li personalment ma tkunx se taffetwahom bl-ebda mod, u għalhekk ma tagħmlilhom l-ebda differenza. Però, dan ma jistax jingħad għal nies bħal Sandro Chetcuti, president tal-MDA, Astrid Vella, kordinatriċi ta’ FAA u Anthony Chircop, sindku ta’ Tas-Sliema, li l-gazzetta Illum tkellmet magħhom ilkoll dwar l-iżviluppi preżenti u dawk proposti għaż-żoni ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, u x’impatt se jkollhom fuq il-kummerċ, l-ambjent u r-residenti li jridu jħabbtu wiċċhom ma’ diversi problemi relatati.

Il-postijiet vakanti jistgħu jkunu s-soluzzjoni?

Meta din il-gazzetta tkellmet fuq dan l-iżvilupp mal-kordinatriċi ta’ FAA, Astrid Vella, din sostniet li ħafna mill-proġetti ġodda ta’ bini għoli mhumiex ġustifikati minħabba l-ammont kbir li jlaħħaq l-40,000 ta’ postijiet vakanti madwar Malta.

Għal dan, il-president tal-MDA saħaq li dan l-argument ma jreġix għal diversi raġunijiet. Semma kif ħafna minn dawn il-proprjetajiet vakanti li hawn, jew mhumiex disponibbli għax-xiri fis-suq, jew huma residenzi sekondarji, jew inkella inqabdu f’xi kwistjoni ta’ wirt.

Semma wkoll kif ħafna minn dawn il-proprjetajiet ma jlaħħqux il-livelli ta’ kwalità mitluba, bħal per eżempju ma jkollhomx aċċess adegwat, jew spazju biżżejjed biex jiġi installat lift.

Astrid Vella saħqet li fil-preżent, mhuwiex ġustifikat li jinbnew dawn il-‘high rise buildings’ minħabba differsi fatturi li jinfluwenzaw direttament l-infrastruttura preżenti. Semmiet dak li kien qal konsulent minn Chicago li kien inġieb mill-Mepa, xi snin ilu. Dan kien jgħid li dawn it-tip ta’ proġetti jiddependu strettament fuq sistema ta’ trasport effiċjenti, infrastruttura adekwata, l-abbiltà li t-twaqqigħ isir b’mod sigur, livell għoli ta’ manutenzjoni, u fuq kollox domanda reali għal din it-tip ta’ proprjetà. Dawn kollha, kompliet tgħid Vella, huma sitwazzjonijietu attitudnijiet li preżentamet ma jeżistux f’pajjiżna.

Il-president tal-MDA,  Sandro Chetcuti
Il-president tal-MDA, Sandro Chetcuti
Il-koordinatriċi tal-FAA,  Astrid Vella
Il-koordinatriċi tal-FAA, Astrid Vella
Is-sindku ta’ Tas-Sliema,  Anthony Chircop
Is-sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop

‘Tas-Sliema ma tiflaħx għal dan l-iżvilupp kollu’

Tal-istess fehma kien is-sindku tal-lokalità ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop li sostna li l-lokalità ma tiflaħx għal dan l-iżvilupp kollu, partikolarment meta jsir fl-istess żmien. Is-sindku Slimiż qal kif f’binjiet għolja diġà preżenti fil-lokal, diġà innutaw impatt fuq l-infrastruttura ta’ servizzi pubbliċi li huma responsabbli għalihom il-Kunsill Lokali. “Fosthom naraw l-impatt negattiv fuq bankini u toroq li żgur ma jifilħux għall-impatt kostanti ta’ trakkijiet tal-kostruzzjoni. Dawn it-toroq dojoq f’Tas-Sliema, qatt ma kienu maħsuba għal dan l-influss qawwi ta’ trakkijiet tal-kostruzzjoni. It-toroq Slimiżi kienu minn dejjem pjanati għal binjiet baxxi, biex jippermettu d-dawl naturali fit-toroq tagħna.”

Semma wkoll il-problema tal-ilma u d-drenaġġ li ta’ sikwit ma jlaħħqux mad-domanda li titpoġġa fuqhom, minħabba ż-żieda eżorbitanti ta’ appartamenti f’Tas-Sliema. 

Chircop semma wkoll l-inkonvenjent li qed ikollhom jaffaċjaw ir-residenti u l-kwalità tal-ħajja tagħhom hekk kif, “il-kostruzzjoni kostanti ta’ dawn il-binjiet għoljin qiegħda tħalli effett negattiv fuq il-kwalità ta’ ħajja minħabba storbju eċċessiv, trabijiet u nuqqas ta’ rispett lejn ċertu liġijiet minn xi kuntratturi,” kompla jgħid Chircop.

Min-naħa tagħha, Astrid Vella kkwotat lill-perit rinomat Richard England, u qalet li l-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar taqbel miegħu meta jgħid li l-binjiet għolja ma jistgħux jiġu mibnija u integrati jekk mhux b’approċċ ħolistiku ta’ pjanar serju.  

Ma’ dan il-punt, qabel Chetcuti, li kien l-aktar punt li saħaq fuqu fejn qal li qabel ma jsiru l-proġetti, jeħtieġ li jkun hemm pjanar u konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet fosthom kunsilli lokali, Transport Malta, gruppi ambjentali u periti fost l-oħrajn sabiex il-pjanijiet isiru qabel ma jsiru l-proġetti u mhux wara, għaliex dan jispiċċa jkun tard wisq. Semma wkoll il-bżonn li jkunu inklużi l-ispazji miftuħa f’tali pjanijiet li huma ferm importanti. Saħaq b’mod partikolari sabiex, “il-proġetti jiġu meqjusa kollettivament u mhux kull wieħed b’mod individwali sabiex inkunu nistgħu naraw kif se jkun qed jintegra mal-ambjent tal-madwar.” Filwaqt li Sandro Chetcuti semma kif kulħadd, fis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà jinsab “fgat” bix-xogħol, qal ukoll li ma jistax ikun li, “naraw l-ekonomija waħedha, mingħajr pjanar sura ta’ nies, inkella jkollna l-akbar sfreġju.”

Is-sindku Slimiż, Anthony Chircop, min-naħa tiegħu sostna li bħala kunsill lokali li huwa direttament affetwat minn żviluppi ta’ bini għoli, diġà ssottometta rakomandazzjonijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar, “iżda wisq nibżgħu li dawn jistgħu biss iġibu aktar effetti negattivi fuq din il-lokalità, diġà mimlija żvilupp.”

More in Politika