Il-preżentatur u personalità fuq it-TV Malti, Salvu Mallia, f'kuntatt mal-illum.com.mt qal li kieku jkollu joħroġ għall-elezzjoni, wisq probabbli joħroġ mal-partit ta' Marlene, li lbieraħ ġie rrapurtat kif dan għandu jiġi varat b'mod imminenti.
Mallia, li ftit tax-xhur ilu, f'intervista mal-gazzetta ILLUM kien wera l-ħajra tiegħu li joħroġ għall-elezzjoni ġenerali li ġejja qal li bħalissa, lanqas jista' jieħu deċiżjoni finali, u lanqas irid. Qal li ma jistax għaliex ma jixtieqx jitlef postu minn fuq it-televiżjoni, "għax nemmen li bil-programm, huwa l-aħjar mod sabiex tilħaq lin-nies, u lanqas irrid nagħti skuża lill-PBS biex ma jħallux il-programm għaddej."
Salvu Mallia żied jgħid li għallissa ma jridx jieħu deċiżjoni wkoll minħabba li għadu mhux ċert x'se jkun qed isir f'dan il-partit għaliex qal li fid-diskussjonijiet huwa kien biss "marġinalment involut." Mallia żied jgħid li qed jieħu ħinu biex jasal għal din id-deċiżjoni għaliex qed jevalwa kollox. Salvu Mallia żied jgħid li, "qed nitkellem għax qed inħoss li hawn theddida għall-pajjiż."