Miriam Dalli: Il-konsumaturi għandhom jibqgħu fil-qalba tal-politika tal-enerġija Ewropea

Miriam Dalli
Miriam Dalli

“Il-konsumaturi għandhom jibqgħu fil-qalba tal-Politika tal-Enerġija Ewropea u din għandha tkun riflessa f’kull Stat Membru.”

Enfasizzat dan il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Miriam Dalli hekk kif il-Parlament Ewropew approva rapport favur politika enerġetika li tpoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tagħha. Dalli qalet li l-Energy Union li l-Unjoni Ewropea tant tisħaq fuqha trid tinkludi bi prijorità assoluta d-dimensjoni soċjali.

“Neħtieġu investiment akbar fi proġetti innovativi, f’binjiet ta’ kwalità li jaħlu l-inqas enerġija possibbli inkluż għall-familji l-aktar vulnerabbli biex il-kontijiet tal-enerġija jkomplu jonqsu, il-kundizzjonijiet ta' ħajjithom tagħmel qabża ’l quddiem, u  teknoloġiji effiċjenti jingħataw l-appoġġ meħtieġ,” sostniet Miriam Dalli.

Dawn huma kollha miżuri li jistgħu jgħinu biex il-konsumaturi u anke n-negozji jirċievu kontijiet anqas filwaqt li jkollhom l-opportunità jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex jikkontrollaw il-konsum tagħhom. L-aktar statistika riċenti wriet li Malta għandha ir-raba’ l-anqas kontijiet tad-dawl, bil-prezz tal-enerġija f’Malta jkun ferm orħos mill-medja Ewropea u b’ċerti pajjiżi jħallsu anke aktar mid-doppju ta’ dak li nħallsu għalih f’Malta.

“Il-politika tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea, li qed isir xogħol dwarha bħalissa, għandha tikkunsidra l-aspett soċjali u tikkontribwixxi biex tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-aktar konsumaturi fil-bżonn huma l-aktar konsumaturi vulnerabbli u jkunu huma li l-aktar igawdu jekk il-politika dwar l-enerġija toffri aktar flessibiltà u prezzijiet orħos,” żiedet tgħid Dalli.

Il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-kumitat tal-Enerġija qed isostnu għal sistemi li jagħtu lill-konsumaturi l-possibiltà li jkunu huma li jagħżlu miżuri li permezz tagħhom jistgħu jiffrankaw il-flus. Dan jista’ jsir billi l-konsumaturi Ewropej jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-konsum tagħhom filwaqt li jingħataw il-possibiltà li jkunu involuti wkoll fil-produzzjoni tal-enerġija.

Ir-rapport li ġie approvat mill-Parlament Ewropew jappella biex il-konsumaturi jkunu mgħarrfa dwar l-orħos tariffi u dwar il-konsum tagħhom biex b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jirregolaw aħjar il-konsum enerġetiku tagħhom. Fl-istess ħin il-konsumaturi għandhom ikunu mgħarrfa aħjar dwar miżuri ta’ effiċjenza enerġetika li jistgħu jaddottaw fid-djar tagħhom.

“Hemm numru ta’ direttivi li se jitressqu mill-Kummissjoni Ewropea fiż-żmien li ġej li se jagħmlu differenza fil-ħajja taċ-ċittadini. Huwa meħtieġ li f’dawn id-direttivi kollha nagħtu importanza lill-aspett soċjali b’mod partikolari fid-direttiva dwar l-enerġija u l-bini, id-direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u l-proposta dwar is-suq elettriku. Dawn huma kollha parti mid-direttivi li jiffurmaw l-Energy Union u li fil-qalba tal-politika tagħhom jeħtieġ li jpoġġu lill-konsumaturi,” temmet tgħid Dalli.

More in Politika