Owen, Chris u Stefan: Min se jasal sal-barkun?
L-Illum tħares lejn l-għażliet quddiem id-delegati tal-PL ftit jiem qabel ma jkun elett Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista
minn Albert Gauci Cunningham
Din il-ġimgħa d-delegati tal-Partit Laburista se jkunu qed jagħmlu l-għażla tagħhom għal min iridu li jkun id-Deputat Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. Minkejja li l-għażla tappartjeni strettament lill-Partit Laburista, fil-verità, se tkun qed tifforma l-forma mentis politika li biha l-Partit Laburista, bħalissa fil-Gvern, se jersaq għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Minħabba li kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun waħda mibnija fuq stil Presidenzjali u għalhekk tpoġġi f’konfront liż-żewġ mexxejja tal-partiti ewlenin, in-nies li jdawru u li se jkunu qed jsegwu l-passi tal-mexxej jew kap, se jkunu ferm importanti, fil-fatt il-persuna tagħhom, dak li jgħidu u dak li jagħmlu se jkun taħt l-iskrutinju kważi daqs dak ta’ Joseph Muscat.
L-ILLUM tħares lejn xenarji differenti u min ikollu l-akbar ċans li jirbaħ din l-elezzjoni fil-PL jekk dak ikun il-kriterju li fuqu d-delegat jibbaża d-deċiżjoni tiegħu.
Ħin għall-partit
Jidher ċar illi settur ta’ delegati qed jesiġu illi d-Deputat Mexxej il-ġdid ma jkunx Ministru u dan biex ikun jista’ jiddedika l-ħin kollu tiegħu lejn il-partit u dawk l-għeruq li jħossuhom injorati u mweġġgħin, minħabba xi azzjoni jew oħra.
Hemm element qawwi ta’ Laburisti illi qed iħossu li l-partit ‘tagħhom’ abbandunahom. Mhux dejjem faċli tiddeċifra għalfejn iħossu hekk u mhux dejjem tista’ tasal għall-konklużjoni li kull min qed jgħid hekk għandu raġun. Mhux dejjem tista’ tasal għall-konklużjoni ta’ xi tfisser eżatt meta ħafna Laburisti jgħidu li “l-partit qed jabbandunana” u x’qed jippretendu. Li hu ċert huwa li dan hu sentiment mifrux fil-Partit Laburista.
Jekk dan is-sentiment se jkun il-kriterju ewlieni li fuqu se jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom id-delegati, mela allura Stefan Zeinzo Azzopardi għandu l-akbar ċans li jirbaħ. Il-fatt li mhux Ministru, jagħmlu aktar aċċessibbli u ħafna inqas mtaqqal minn kwistjonijiet tal-istat.
Jekk id-delegati se jkunu jridu lil xi ħadd li huwa aċessibbli b’mod kważi esklussiv għall-Laburisti, mela allura l-pendlu probabbilment se jersaq ħafna lejn Zrinzo Azzopardi. Ministru, anke jekk irid u jixtieq ma jistax ikun Ministru tal-Laburisti biss, imma Ministru ta’ kulħadd.
Għall-Laburisti biss
Fejn se tibda u tispiċċa l-linja ta’ meta persuna hija Ministru u meta hija Deputat Mexxej? Meta se nkunu nafu jekk persuna hux qiegħed hemm għal kulħadd u meta qiegħed hemm għal tal-partit biss?
Kemm Owen Bonnici kif ukoll Chris Cardona għandhom proposta interessanti fil-manifesti tagħhom. Cardona jipproponi li jinħoloq ‘Customer Care’ “li jservi ta’ punt ta’ riferenza għall-attivisti Laburisti u oħrajn fuq oqsma differenti bħal dak ta’ tfittxija tax-xogħol, boroż ta’ studju....”
Bonnici, fil-manifest tiegħu, qed iwiegħed li jvara “attività innovattiva li fiha, minn żmien għal żmien, il-Ministri u d-Deputati tal-Gvern jingħaqdu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn jilqgħu lill-membri tal-pubbliku, fiżikament u bil-kuntatt telefoniku jew elettroniku, biex jisimgħu u jaġixxu fuq l-ideat..”
Filwaqt li, kompletament barra mill-kuntest ministerjali u strettament fil-kuntest ta’ partit dawn il-proposti jistgħu jagħmlu sens, fir-realtà miżura simili ċċajpar il-linja li tagħmel id-differenza bejn dak li huwa strettament pubbliku u allura fejn il-persuna hija kontabbli lejn il-poplu u dak li huwa tal-partit, allura fejn il-persuna issir kontabbli lejn in-nies tal-partit.
Zrinzo Azzopardi, għalkemm kandidat għall-elezzjoni li jmiss jidher li qed jirkeb sew fuq l-argument li għax hu mhux Ministru u allura l-kariga tiegħu se tkun tgħajjat lill-partit biss, mela allura jista’ jidher illi l-azzjonijiet tiegħu jistgħu jkunu mmirati lejn il-Laburisti biss. Dan il-lussu Bonnici u Cardona m’għandhomx.
Minħabba li kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun waħda mibnija fuq stil Presidenzjali ... n-nies li jdawru u li se jkunu qed jsegwu l-passi tal-mexxej jew kap, se jkunu ferm importanti
Inġibu l-iswitchers lura
Owen Bonnici huwa bniedem ta’ ċertu kariżma u kalma. Huwa politiku li jwassal il-messaġġ tiegħu b’trankwilità u li rari, jekk qatt, rajnih jitlef ir-raġuni fuq il-midja. Fil-fatt, kif qalet delegata Laburista Għawdxija mal-ILLUM, Bonnici maqtugħ mill-istess pezza drapp ta’ Muscat fejn jirrigwarda l-idjoma u l-komportament tiegħu.
Jekk id-delegati se jagħmlu l-kalkolu ta’ kif se jirbħu l-elezzjoni billi jerġgħu jressqu lejn il-partit dawk l-eluf ta’ voti li ntilfu min-nies li kienu tradizzjonalment Nazzjonalisti, mela allura l-pendlu se jxaqleb lejn Bonnici waħda sew.
L-aħħar stħarriġ tal-Maltatoday wera kif, huma biss 8.3% ta’ dawk li vvotaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba fl-2013 li jagħmlu l-istess kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali llum. Din hija emorraġija kbira u serja ħafna li l-Partit Laburista jeħtieġ jindirizza, jekk ma jridx li d-dannu elettorali jmur fuq il-livell li jmiss u eluf minn dawk l-iswitchers li llum qed jgħidu li mhux se jivvutaw, għada jerġgħu jibdew jersqu lejn il-PN.
Peress li l-forza ewlenija li ġibdet tant nies lejn il-Labour fl-2013 kien Joseph Muscat, li bħalissa huwa l-unika fattur li qed iżomm l-edifiċju tal-Partit Laburista b’saħħtu, jista’ jkun li fejn ma jilħaqx Muscat, jipprova jilħaq Bonnici.
Inqajmu l-ħeġġa fost il-Laburisti mill-ġdid
Minn kuntatti li għamlet il-gazzetta ILLUM jidher li hemm sezzjoni ta’ delegati, li tista’ tkun imdaqqsa sew, li jinsabu bejn ħaltejn. Bejn jixtiequ li d-Deputat Mexxej ma jkunx Ministru, minħabba l-kwistjoni ta’ ħin, però min-naħa l-oħra jixtiequ lil Cardona.
Chris Cardona jidher li għandu appoġġ qawwi fost settur ta’ delegati, speċjalment il-hard core u d-delegati anzjani. Jekk, id-delegati fil-maġġoranza tagħhom, se jaraw bħala kriterju kruċjali dak li jerġgħu jiġu rinforzati s-‘suldati tal-azzar’ u li terġa’ tqum il-ħeġġa fost eluf ta’ Laburisti li qed iħossuhom diżillużi, mela allura l-pendlu se jxaqleb sew lejn Cardona.
Il-Ministru Karkariż għandu immaġini li tinżel għasel ma’ dak il-laburist li bħalissa qed iħoss li l-partit qiegħed f’naqra ta’ kantuniera u li l-PN għandu l-vantaġġ. Huwa oratur tajjeb li ma jibżax jiftaħ il-kanuni fuq “tan-naħa l-oħra”, anzi li jħoss li l-attakk huwa l-aħjar forma ta’ difiża, kif stqarr mal-ILLUM. Dan ir-raġunament jista’ jappella sew lil numru kbir ta’ delegati.
Għalhekk jekk id-delegati se jmorru għal xi ħadd li huwa iktar voċiferu, imqabbel ma’ stil aktar kalm u, b’mod speċjali, jekk se jkunu qed ifittxu xi ħadd biex iħaqqaqha b’mod dirett ma’ Beppe Fenech Adami (Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit PN), mela allura Cardona se jkollu vantaġġ.
Manifest tajjeb
Jekk id-delegati mhux se jħarsu lejn dan iżda se jiffukaw u jitfgħu t-toqol tad-deċiżjoni tagħhom fuq il-manifesti li ġew ppublikati, mela allura l-aktar żewġ kandidati li għandhom ċans huma Owen Bonnici u Chris Cardona.
It-tnejn qed jintrabtu li jwettqu diversi miżuri li jiċċentraw madwar il-bżonn li l-partit u l-amministrazzjoni tkun eqreb tan-nies. Cardona qed iwiegħed lid-delegati laqgħat frekwenti magħhom, faċilità ta’ child care għal dawk li jaħdmu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista (CNL), Konferenza Ġenerali f’Għawdex kull sentejn, li l-Fondazzjoni IDEAT ma tibqax topera miċ-ĊNL biex tkun tista’ timrah lil hinn mill-ispettru politiku u li tissaħħaħ il-midja tal-partit.
Cardona wiegħed f’intervista ppublikata fuq l-ILLUM illi se jkun qed jidħol f’każi ta’ inġustizzja li ġew preskritti. Fil-fatt, fil-manifest tiegħu iwiegħed li “jinħoloq Legal Unit bi grupp ta’ avukati u esperti legali li jagħtu assistenza lil dawk li qed ifittxu rimedju għall-inġustizzji li sofrew.” Cardona qed jipproponi wkoll li jkun imwaqqaf Forum ta’ kultura biex il-PL jerġa’ jibda jorganizza attivitajiet kulturali.
minkejja d-differenzi ta’ ħsieb li jista’ jkun hemm u minkejja d-differenzi fl-istil, it-tliet kandidati għal din il-kariga qed jirrikonoxxu, anke jekk mhux dejjem b’mod dirett, li l-Partit Laburista għaddej minn żmien mhux daqstant faċli
Il-manifest ta’ Bonnici huwa intensiv ukoll u jinkludi diversi punti u wegħdiet lid-delegati. Bonnici qed iwiegħed li jiltaqa’ ma’ kull persuna li għal xi raġuni jew oħra ma baqgħetx membru tal-partit, jinħatar uffiċjal speċifiku għal Għawdex, tkun imsaħħa l-midja tal-partit, jikkummissjona studju dwar “kif nistgħu naċċertaw iktar illi l-ġid kbir li qed jinħoloq jinżel ’l isfel fl-isferi kollha tas-soċjetà.” Hu qed jipproponi wkoll li tinħoloq pjattaforma biex il-partit jisma’ mingħand il-unjins u min iħaddem kif ukoll li jifrex is-servizzi edukattivi li l-partit qed joffri f’numru ta’ każini madwar il-pajjiż kollu.
Zrinzo Azopardi uża l-manifest tiegħu biex jallinea ruħu aktar mal-aħħar stqarrijiet tal-Prim Ministru dwar żieda fil-paga minima, li hija xi ħaġa minnha nnifisha pożittiva. Imma mqabbel maż-żewġ manifesti l-oħrajn, dak ta’ Zrinzo huwa pjuttost qasir u fqir fis-sustanza.
B’hekk jekk se jintefa’ ħafna toqol fuq il-manifesti ppreżentati, hemm iktar ċans li t-tiġrija tkun bejn Cardona u Bonnici.
Rikonoxximent tad-diffikultajiet
Jidher ċar, meta wieħed jiġbor kollox, li minkejja d-differenzi ta’ ħsieb li jista’ jkun hemm u minkejja d-differenzi fl-istil, it-tliet kandidati għal din il-kariga qed jirrikonoxxu, anke jekk mhux dejjem b’mod dirett, li l-Partit Laburista għaddej minn żmien mhux daqstant faċli u qed jesperjenza telf ta’ voti li jeħtieġ ikun indirizzat. Huwa ċar li t-tliet kandidati qed jippruvaw, kemm jistgħu, jindirizzaw feriti ta’ partit li minkejja li għadu b’saħħtu ħafna, ra parti mill-bażi tiegħu tiżvinta f’dawn l-aħħar tliet snin.
Din il-ġimgħa d-delegati tal-Partit Laburista se jkunu qed juru kif huma jħossu li l-aħjar jkun indirizzat dan it-telf ta’ voti u min qiegħed, skonthom, fl-akbar vantaġġ illi jagħlaq feriti miftuħin u jressaq lura lejn il-partit voti mitlufin.