Neħtieġu studju ġdid dwar in-nefqa ta' kull familja Maltija - UĦM

Il-UĦM -Voice of the Workers tfakkar illi l-aħħar darba li sar il-Household Budgetary Survey kien fl-2008

“Jeħtieġ li jkun pubblikat Household Budgetary Survey ieħor għax l-aħħar wieħed ilu skadut sa mill-2008.” Dan kien l-appell li sar minn Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-union tat ir-reazzjoni uffiċjali tagħha għar-rapport tal-Caritas bl-isem ta’ A Minimum Essential Budget for a Decent Living.Josef Vella stqarr li anki jekk il-Household Budgetary Survey ikun pubblikat għada, it-tagħrif pubblikat ikun skadut. Dan għax il-Household Budgetary Survey suppost ikun rivedut kull ħames snin.

Skont l-aħħar Household Budgetary Survey pubblikat fl-2008, kważi 19,000 familja bi dħul ta’ bejn €8,000 u €10,000 nefqu medja ta’ €11,109 f’sena. Din iċ-ċifra teċċedi l-paga bażika, jiġifieri dik ta’ €9,747.40 li fuqha tiġi mkejla l-COLA.
Skont l-Awtorita’ Nazzjonali tal-Istatistika fl-2008, il-familji ma kinux kapaċi jġemmgħu. “U llum, x’inhi s-sitwazzjoni? Il-familji Maltin illum jinsabu agħar jew aħjar?,” staqsa Josef Vella filwaqt li kompla jistaqsi “jekk familji bi dħul baxx kienu qed jonfqu, bħala medja, €11,109 fl-2008, illum kemm qed jonfqu?”.

Għaldaqstant, sostna Josef Vella, il-UĦM Voice of the Workers tistenna Household Budgetary Survey ieħor – għodda xjentifika u iżjed dettaljata - sabiex tkun evalwata u tinstab pożizzjoni dwar jekk għandux jinstab livell ġdid ta’ paga minima jew living wage.
Josef Vella qal li mingħajr Household Budgetary Survey aġġornat, li għandu jkun pubblikat b’mod kontinwu, hu impossibbli li wieħed jiddetermina d-dħul minimu neċessarju għall-familji biex ilaħħqu mal-ħajja. Hu qal li aġġustament ta’ darba lill-paga minima ikun biss miżura għal perijodu qasir.

More in Politika