
'In-naħa t'isfel tal-Ewropa injorata mill-pjan ta' Juncker'
L-MEP Alfred Sant qal li Malta s'issa għadha ma bbenefikar bl-ebda mod mill-Pjan Juncker

More in Politika
L-MEP Alfred Sant qal li Malta s'issa għadha ma bbenefikar bl-ebda mod mill-Pjan Juncker
Il-Pjan ta’ Juncker qed iżid id-diverġenzi strutturali diġa` eżistenti bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi tan-nofsinhar u dawk tal-Ewropa Ċentrali. Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista Alfred Sant waqt li l-Parlament Ewropew iddiskuta l-Pjan Juncker sena wara t-tnedija tal-‘Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku’, magħruf bħala l-Pjan ta’ Investiment ta’ Juncker.
Sant qal li l-konċentrazzjoni tal-proġetti ttieħdu mill-ekonomiji l-kbar tas-suq wieħed, bil-pajjiżi tan-nofsinhar, reġjuni fil-periferija u pajjiżi b’ekonomiji żgħar prattikament ma jidhru mkien f’dawn il-proġetti. “Wieħed jista’ jistqarr li l-‘Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku’ qed jipprovdi eżempju ta’ kif, taħt l-inizjattiva tal-UE, ir-riżorsi qed ikunu trasferiti mill-periferija għaċ-ċentru tal-Ewropa. Dan qed jenfasizza aktar id-diverġenzi strutturali li diġà jeżistu fl-Ewropa,” qal l-Ewroparlamentari Malti.
Membri Parlamentari Ewropej esprimew opinjonijiet varji dwar it-tmexxija tat-€315- il biljun tal-Pjan Juncker waqt dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen. “Jien wieħed fost dawk diżappuntati bir-riżultati ta’ din l-ewwel sena tal-Pjan ta’ Investiment. Il-ferħ ewforiku tal-Kummissjoni Ewropea għar-riżultat ma jaqbilx mar-realta`. Ma nistgħaġibx li l-affarijiet ġraw b’dan il-mod. Il-pedamenti finanzjarji ta’ dan il-pjan, magħmul mill-fondi ‘tagħna’, huma relattivament insinjifikanti. Dawn il-fondi ġibdu lejhom garanziji li jaqbżu s-somma ta’ 300 biljun ewro flimkien mal- kapital privat. Qed issir ħidma militanti biex ma jintgħażlux proġetti li fis-suq huma kkunsidrati riskjużi jew li jrendu ftit.
Il-pedament istituzzjonali tal-Pjan ta’ Investiment huwa marbut mal-qafas tal-Bank Ewropew ta’ Investiment, li jġegħluh jimxi mal-mudell operazzjonali tal-istess Bank. Il-punt hu li ċertu proġetti infrastrutturali li mhumiex riskjużi u li tnidew mill-Fond Ewropew ta’ Investiment, kienu jsiru xorta taħt il-kappa tal-Bank Ewropew ta’ investiment. Bl-istess mod, il-proġetti kkonċentraw f’oqsma strutturali li huma mingħajr riskju. Għalihom, setgħu jinstabu faċilment fondi li mhumiex mill-Pjan ta’ Investiment,” qal Sant.
Ħafna mill-proġetti approvati ttieħdu mill-pajjiżi l-kbar, l-aktar minn Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit. Malta sa issa għadha ma bbenefikat bl-ebda mod mill-Pjan Juncker.