Toni Bezzina jitef żewġ libelli dwar xogħlijiet f'każini Nazzjonalisti

Bezzina se jkun qed jappella minn din id-deċiżjoni tal-Qorti

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina tilef żewġ kawżi ta' libell li kien fetaħ kontra l-gazzetta Kullħadd u l-orizzont, li kienu jgħidu li Bezzina kien qabbad xi ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħlijiet fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq. L-artikli li ħarġu dawn il-gazzetti kienu jgħidu wkoll li l-Perit Bezzina kien ġiegħel lil dawn il-ħaddiema jagħmlu affidavit li kien jgħid li huma kienu marru jagħmlu dawn ix-xogħlijiet fil-każin minn jeddhom u b'mod volontarju.

Minkejja dan, il-ħaddiema ma ridux jiffirmaw l-affidavit, iżda ġew imġiegħla jagħmlu dan. Wieħed mill-ħaddiema reġa' għamel affidavit ieħor ftit wara, minn jeddu fejn ċaħad dak kollu li kien hemm fl-ewwel affidavit.

L-istorja kienet ħarġet fil-gazzetti Kullħadd u l-orizzont fl-2012, u għaldaqstant, id-deputat Nazzjonalista, li f'dak iż-żmien kien kap tar-'Rapid Intervention Unit' fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali mmexxi mill-eks-Ministru George Pullicino, u kien ukoll President tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN taż-Żurrieq, fetaħ żewġ kawżi ta' libell kontra l-edituri tal-istess gazzetta, Josef Caruana u l-eks editur tal-Kullħadd, Toni Abela.

Fid-dawl ta' dan, il-Partit Laburista f'konferenza tal-aħbarijiet qal li qed jistenna x'deċiżjoni se jkun qed jieħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-konfront tad-deputat tiegħu Toni Bezzina.

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista qal li se jkun qed jappella minn din is-sentenza li tat il-Qorti iktar kmieni llum.

More in Politika