Filmat | 'M'iniex responsabbli mill-PBS'

Wara li wiegħed ġustizzja mal-Partit Laburista fil-PBS, partikolarment fil-programm Xarabank

Id-deputat mexxej il-ġdid tal-PL, Chris Cardona. ritratt: Raphael Farrugia
Id-deputat mexxej il-ġdid tal-PL, Chris Cardona. ritratt: Raphael Farrugia

Id-deputat mexxej il-ġdid għall-affarijiet tal-Partit, Chris Cardona sostna li hu mhux responsabbli mill-PBS, meta mistoqsi x'miżuri konkreti mistenni jieħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġustizzja li wiegħed li se jġib għall-Partit Laburista fil-PBS.

Dan jiġi fid-dawl tal-istorja żvelata fil-gazzetta Illum tal-Ħadd fejn deher kif il-Ministru Cardona bagħat numru ta' messaġġi lil delegati tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni għall-ħatra ta' deputat mexxej. F'dan il-messaġġ kien jgħid li fil-programm 'Dissett' li kien mistieden fih, kien sostna li "trid issir ġustizzja mhux biss mal-Laburisti imma anke mal-Partit Laburista, inkluż fil-PBS. Hemm bżonn jittieħdu d-deċiżjonijiet."

Meta l-Ministru ġie mistoqsi x'ried jgħid bih dan il-messaġġ, u l-kummenti li għadda fil-programm 'Dissett' partikolarment fuq il-porgramm Xarabank, hu sostna li trid issir ġustizzja mat-telespettaturi u jridu jittieħdu deċiżjonijiet li jiżguraw l-ekwilibriju fl-istazzjon. "Il-PBS trid tagħti platform bilanċjata liż-żewġ partiti, u dan bħalissa mhux qed jiġri, u nħoss li din hija waħda mid-dwejajq li għandjom il-partitarji u l-attivisti laburisti u jien ħassejt li għandi nsemmiha fil-laqgħat li kien qed ikolli mad-delegati," kompla jsostni d-deputat mexxej il-ġdid.

Meta Cardona kien direttament mistoqsi x'se jkunu l-miżuri li jittieħdu, hu qal li mhux responsabbli mill-PBS, però kompli jisħaq fuq il-bilanċ intelliġenti li jeħtieġ li jintlaħaq. "Dan huwa l-Public Broadcasting Services, u mhux in-Net TV jew il-One Tv u għalhekk nippretendi li jkun hemm direzzjoni, anke jekk ikun hemm bżonn permezz ta' bord editorjali li jissalvagwardja lit-telespettatur mill-imparzjalità li suppost ikollu," temm jgħid Cardona. 

filmat: Raphael Farrugia

More in Politika