'Malta m'għandhiex tingħata reputazzjoni ħażina fl-Ewropa minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern'

Therese Comodini Cachia spjegat li l-Grupp Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista lest li jgħin lil Leo Brincat 

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet li meta l-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi jissejjaħ quddiem il-kumitat tal-Parlament Ewropew imwaqqaf apposta biex jistħarreġ l-iskandlu tal-Panama papers, se jkollu jispjega għaliex għażel li jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama. Se jkollu jispjega wkoll kif kien l-uniku Ministru ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea, li kien involut f’dan l-iskandlu. Qalet li “l-poplu qed jistaqsi kif saret tfittxija fl-uffiċini ta’ Mossack Fonseca imbagħad il-Pulizija f’Malta jgħidu li m’hemmx lok għal investigazzoni”. Therese Comodini Cachia qalet dan meta kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalist ta’ The Malta Independent Gabriel Schembri, il-ġurnalista ta’ Times of Malta Kim Dalli u tal-persuni preżenti waqt konferenza fl-okkażjoni tat-tieni sena tal-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew.

Comodini Cachia qalet li kieku l-Prim Ministru ddeċieda u lil Konrad Mizzi u Keith Schembri qallhom biex jitilqu ‘l barra, kieku kien jintbagħat messaġġ ċar lill-Unjoni Ewropea li Malta hija kontra dawn it-tip ta’ skandli. Hija spjegat x’se tkun il-ħidma ta’ dan il-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Panama papers u qalet li se jiġi investigat jekk il-Kummissjoni Ewropea għamlitx superviżjoni sew sabiex tassigura li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea rrispettaw l-obbligi tad-direttivi, l-liġijiet Ewropej u se jigi investigat jekk il-pajjiżi membri implimentawx d-direttivi b'mod effettiv.

Għall-mistoqsija dwar in-nomina tal-eksMinistru Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Therese Comodini Cachia spjegat li l-Grupp Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista lest li jgħin lil Leo Brincat iżda finalment irid ikun hu li jikkonvinċi li huwa l-aħjar kandidat għall-kariga. “Sfortunatament kull darba li kandidat magħżul mill-Prim Ministru ma jirnexxilux jgħaddi mill-grilling li ssirlu, qed iħalli impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta”. Hija enfasizzat li Malta ma tistax terġa’ tispiċċa fil-pożizzjoni li persuna nominata għal kariga f’istituzzjoni Ewropea tintbagħat lura d-dar. Qalet iżda li Leo Brincat irid jara kif se jispjega li vvota favur Konrad Mizzi u Keith Schembri wara l-iskandlu tal-Panama papers.

Therese Comodini Cachia qalet li l-Gvern Laburista mhux jaghraf bejn investimenti li jkunu tajbin u ħżiena. Għamlet referenza għall-Istitut Amerikan, li wara sar magħruf li ma kienet universitá xejn u kif din mhix se ġġib valur miżjud għall-edukazzjoni f’Malta. Dwar l-investiment ta’ Barts f’Għawdex, qalet li wisq tibża li se jinħolqu klassijiet differenti fost il-pazjenti bejn dawk li se jħallsu u l-Maltin li jingħataw il-kura bla ħlas. Żvelat kif it-tobba rċevew ittra tħeġġiġhom biex jgħallmu f’din l-iskola u jipparteċipaw f'bord tal-iskola iżda filwaqt li tgħid li mhux se jitħallsu minn Barts, din l-ittra tgħid li se jitħallsu minn x'imkien.

Għall-possibilitá li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, Comodini Cachia qalet li l-Brittanniċi jridu jifhmu li mhux possibbli li waħedhom isolvu l-problemi kurrenti fosthom it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima. Qalet li dawn il-problemi jissolvew bl-appoġġ ta’ aktar pajjiżi u għalhekk li jibqgħu membri tal-Unjoni Ewropea huwa ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiżi l-oħra fosthom Malta iżda wkoll għar-Renju Unit stess.

Hija ġiet mistoqsija wkoll fuq il-kriżi preżenti tal-immigrazzjoni fejn spjegat kif is-sitt membri Maltin fil-Parlament Ewropew jaħdmu biex ma jerġax ikollna kriżi oħra tal-immigrazzjoni f’Malta. Enfasizzat li l-Unjoni Ewropea trid tgħin pajjiżi terzi biex ilaħqu man-numru kbir ta’ immigranti li qed jilqgħu kuljum. Qalet li “rridu niftakru li pajjiżi bħall-Ġordan u t-Turkija qed jilqgħu miljuni ta’ immigranti u aħna għandna d-dmir li nassiguraw li l-kundizzjonijiet tagħhom tajbin għaliex inkella din il-kriżi tibqa’ tinfirex lejn l-Ewropa”. Enfasizzat li għalkemm it-Turkija għandha rwol fundamentali, mhux aċċettabbli li thedded biex tingħata l-approvazzjoni li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, speċjalment meta fadal ħafna biex tilħaq il-kriterji meħtieġa b’mod speċjali fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.

 

 

 

 

 

 

 

 

More in Politika