Il-President tal-Malta Association of Hospitality Executives Joe Attard, mal-gazzetta ILLUM sostna kif bħala assoċjazzjoni li tirrapreżenta lill-maniġers u lukandiera, ma ġietx ikkonsultata mill-Ministeru għat-Turiżmu qabel ma ddaħħlet l-eko-kontribuzzjoni.
Minkejja li Attard, qal li huma jaqblu perfettament mal-kunċett ta’ din it-taxxa l-ġdida, qal ukoll li huma kellhom diversi proposti u rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-mod ta’ kif din it-taxxa tista’ taħdem, li ntbagħtu wkoll lill-istess Ministeru. Minkejja dan, l-assoċjazzjoni baqgħet mingħajr tweġiba.
Il-Malta Association of Hospitality Executives, uriet it-tħassib tagħha ma’ din il-gazzetta għaliex il-Ministeru għat-Turiżmu ma kkonsultax mal-istess assoċjazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-eko-kontribuzzjoni, li se tkun qed taffetwa direttament lill-membri tagħha, li se jkunu huma l-persuni li jridu jiġbru tali taxxa mingħand it-turisti.
Joe Attard, president tal-MAHE qal kif min-naħa tagħhom, intbagħtu numru ta’ rakkomandazzjonijiet u proposti sabiex din it-taxxa tkun tista’ taħdem aħjar, fosthom li l-ammont ta’ flus li jinġabar, ikun jirrifletti t-tip ta’ akkomodazzjoni li jkunu qed joqogħdu fiha t-turisti. Għaldaqstant, lukandi ta’ ħames stilel, iżommu iktar minn kemm iżommu lukandi ta’ żewġ u tliet stilel. Rakkomandazzjoni oħra tal-Assoċjazzjoni tal-maniġers u lukandiera kienet li tali taxxa ma tinġabarx mill-post tal-akkomodazzjoni, iżda direttament mill-ajruport jew mill-port, mal-wasla tat-turist. B’dan il-mod, tkun qed tevita li postijiet bla liċenzja jew li mhumiex reġistrati, jevitaw li jħallsu din it-taxxa.
Attard kompla jsostni li għalkemm intbagħtu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u talbu li jiltaqgħu mal-ministru kemm-il darba, dawn baqgħu mingħajr l-ebda tweġiba, jew xi tip ta’ risposta li dawn il-proposti kienu fil-fatt waslu l-Ministeru.
Il-President tal-MAHE temm jgħid li, “kieku l-Gvern tkellem magħna, kieku din it-taxxa setgħet tiddaħħal aħjar, waqt li d-dħul finanzjarju jkun ikbar.”