Proġett ta’ tranżizzjoni biex l-isptarijiet ta’ St. Luke's, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-isptar ta’ riabilitazzjoni ta’ Karin Grech jgħaddu mill-proċess tal-public private partership ġie mħabbar aktar kmieni dalgħodu mill-Ministru tas-saħħa, Chris Fearne.
It-tranżizzjoni mistennija tiġi ffinalizzata bejn 30 u 60 ġurnata oħra. Kif isir dan, il-Vitals Global Healthcare (VGH) se jibdew xogħlijiet fuq dawn l-isptarijiet biex jigu fuq livell pari ma’ dak tal-isptar Mater Dei, tenna l-ministru Fearne.
Fearne saħaq li ft tliet sptarijiet “se jinħolqu servizzi ġodda, jiżdied in-numru ta’ sodod disponibbli u jinġieb apparat ġdid u modern, li jagħmel dawn l-isptarijiet prattikament ġodda.”
“L-isptar t’Għawdex se jkollu 450 sodda, filwaqt li Karin Grech se jkollu 350 u Saint Lukes bejn 350 u 400 sodda. “
Il-ministru tenna wkoll li “dawn se jkunu jistgħu jagħtu servizz bla ħlas lill-Maltin u l-Għawdxin kollha u servizz bi ħlas għall-barranin, biex is-sistema tkun tista' tinżamm sostenibbli.
Fearne ikkonkluda billi kkonferma li l-ħaddiema li bħalissa huma impjegati f’dawn l-isptarjiet se jibqgħu impjegati mal-Gvern, bl-istess gradi, kundizzjonijiet u pagi, skont il-collective agreements rispettivi li għandhom bħalissa.
“B’hekk, il-ħaddiema u speċjalisti li diġà għandna se jkunu jistgħu jagħtu servizz aħjar fi strutturi aktar moderni u ta’ livell għoli.”
F'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista insista li ladarba l-kuntratti ġew iffirmati, il-Gvern għandu jippubblika l-ftehim li ffirma dwar il-privatizzazzjoni tas-saħħa b’mod immedjat.