'Alfred Mifsud għandu jissospendi lilu nnifsu', jgħid Beppe Fenech Adami

Beppe Fenech Adami jsostni li Alfred Mifsud għandu jissospendi lilu nnifsu fid-dawl tal-investigazzjonijiet dwar korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus

Beppe Fenech Adami u Kristy Debono jitolbu s-sosspensjoni ta' Alfred Mifsud
Beppe Fenech Adami u Kristy Debono jitolbu s-sosspensjoni ta' Alfred Mifsud

"Alfred Mifsud, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, u l-persuna magħżula minn Joseph Muscat biex tkun hi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, għandu jissospendi lilu nnifsu fid-dawl tal-investigazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu, wara allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus." Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Fenech Adami qal li l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud qed jagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’mod speċjali fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Beppe Fenech Adami fakkar li l-Pulizija kkonfermat li qed tinvestiga l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud, wara li l-eks sieħba tiegħu għamlet allegazzjonijiet serji li kien jieħu somom kbar ta’ flus kontanti minn negozjant Malti, meta kien Chairman tal-Mid Med Bank fi żmien Gvern Laburista.

“Hawnhekk qed nitkellmu dwar allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus,” sostna Fenech Adami.

Minn naħa tagħha, l-Kelliema tas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono rreferiet għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fl-istqarrija ministerjali lbieraħ filgħaxija fil-Parlament, li sostna li l-opinjoni tiegħu dwar jekk Alfred Mifsud għandux jissospendi lilu nnifsu mill-kariga għolja li jokkupa fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, hija irrelevanti.

“Għandna Ministru tal-Finanzi li għandu jifhem li l-opinjoni tiegħu hija relevanti ferm u li għandu l-obbligu li jiddefendi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jgħid li dak li jaħseb li hu importanti,” kompliet tgħid Debono.

Hi rreferiet għall-Private Member’s Bill li ressqet l-Oppożizzjoni lbieraħ, li qed tinsisti li l-persuna nominata biex tkun Gvernatur tal-Bank Ċentrali tkun soġġetta għal skrutinju quddiem Kumitat Parlamentari. Debono qalet li tistenna li l-Gvern, flok ikompli jilgħab bil-kliem, jaċċetta minnufih din il-liġi, biex ikun assigurat li l-persuna li tintgħażel tkun waħda idonea għal pajjiżna.

“Jekk il-Gvern ma jaċċettax din il-proposta, jkun qed jikkonferma kemm ma jridx politika ta’ kunsens, iżda se jibqa’ jinsisti b’politika li tifred,” temmet tgħid Debono.

More in Politika