'L-interess ta’ min ħares Konrad Mizzi?'

Il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet b’riħa tinten ta’ korruzzjoni

"Fid-dawl li l-Gvern gideb meta qal li l-Isptarijiet Karen Grech, San Luqa u dak Ġenerali ta’ Għawdex ġew privatizzati għal 30 sena, għaliex dawn, fil-verità, ngħataw għal 99 sena, l-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu ħafna xi jwieġeb, fost l-oħrajn, l- interess ta’ min ħares Konrad Mizzi meta f’Marzu li għadda - fl-eqqel tal- iskandlu tal-Panama - ffirma dan il-kuntratt."

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101, fejn iddeskrivi d-dettalji żvelati bħala xokkanti, u li juru wkoll li wara 30 sena, mhux il-Gvern se jkun qed jiddeċiedi jekk dan il-kuntratt jiġġeddidx jew le, iżda n-negozjant privat. Il-kuntratt ġie ffirmat f’Marzu li għadda, fl-istess żmien li l-poplu Malti u Għawdxi kien qed jiprotesta fit- toroq Maltin, jinsisti għat-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi wara li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, trust sigriet fin-New Zealand u ried jiftaħ kontijiet bankarji madwar id-dinja kollha biex fihom jitfa’ s-senserija.

Simon Busuttil qal li min gideb lill-poplu Malti u Għawdxi dwar dan il- kuntratt għandu jerfa’ r-responsabbiltà. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nsista li l-Gvern jippubblika b’mod immedjat dawn il-kuntratti, li kif qed jidher mill-gazzetti, għandhom riħa tinten ta’ korruzzjoni. “L- interess ta’ min kien qed iħares Konrad Mizzi? Dan huwa tradiment qawwi tal-interess nazzjonali,” qal Simon Busuttil. Hu reġa’ nsista li l-Pulizija tinvestiga l-kuntratti kollha li fihom kienu nvoluti Konrad Mizzi u Keith Schembri, fosthom dawk tal-privatizzazzjoni tal-Isptar, li għandhom riħa tinten ta’ korruzzjoni.

Dwar l-iskandlu ta’ Alfred Mifsud, Simon Busuttil qal li Alfred Mifsud għandu jissospendi lilu nnifsu minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali. “Jekk mhux tajjeb biex ikun Gvernatur tal-Bank Ċentrali, kif jista’ jkun tajjeb biex ikun Deputat Gvernatur,” staqsa Simon Busuttil.

Għall-kummenti tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li qal li l-opinjoni tiegħu dwar dan l-iskandlu hija rrelevanti, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li jaħseb u dak li qed jagħmel il-Ministru tal-Finanzi hu relevanti ħafna għall-poplu Malti u Għawdxi.

Hu rrefera għall-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament, fejn qed tinsisti - kif saħansitra kien wiegħed il-Partit Laburista fil-programm elettorali tiegħu - li l-bniedem li jiġi nominat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali, jgħaddi minn smiegħ quddiem Kumitat Parlamentari. Simon Busuttil qal li dan l-iskandlu qed jagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’mod speċjali wara li s-settur tas-servizzi finanzjarji diġà ntlaqgħet ħażin ħafna bl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.

 

More in Politika