Il-bieraħ filgħaxija tħabbru r-riżultati tat-tieni elezzjoni ġenerali li seħħet fi Spanja fi żmien sitt xhur. Bħal ma ġara fl-elezzjoni li seħħet f'Diċembru li għadda, għal darb'oħra, ebda wieħed mill-erba' partiti ma ġab il-maġġoranza assulta tal-voti neċessarja biex jiġi fformat Gvern.
L-aktar li ġab voti kien il-Partit Popolari (PP), li kiseb 137 siġġu fil-parlament, li m'humiex biżżejjed biex ikopru l-maġġoranza ta' 176 siġġu neċessarji f'parlament ta' 350 siġġu. Il-Partit Soċjalista, it-tieni l-akbar partit fi Spanja ġab 85 siġġu, li huwa inqas minn kemm kien ġab fl-elezzjoni ta' Diċembru. Dan ifisser li jekk jerġa' ma jintlaħaqx ftehim biex jinħoloq gvern ta' koalizzjoni, jista' jkun hemm ċans ta' elezzjoni oħra fi żmien sitt xhur.
Waqt diskors f'Madrid il-bieraħ filgħaxija, il-mexxej tal-PP, Mariano Rajoy, iddikkjara li "Irbaħna l-elezzjoni u għandna d-dritt niggvernaw".
Iżda dan mhux se jkun daqshekk sempliċi jekk il-battibekki bejn l-erba' partit jibqa' għaddej u ma jintlaħaq ebda ftehim fuq gvern ta' koalizzjoni.