Glenn jirrispondi lil Charles...

Glenn Bedingfield jgħid li l-Arċisqof ma jgħid xejn pożittiv dwar il-Gvern u xejn negattiv dwar l-Oppożizzjoni

Glenn jirrispondi lill-Arċisqof
Glenn jirrispondi lill-Arċisqof

"L-Arċisqof ma jgħid xejn pożittiv dwar il-Gvern u xejn negattiv dwar l-Oppożizzjoni. Jekk l-Arċisqof jaħseb li jien biss nemmen li l-passjoni politika tiegħu tegħlbu, allura veru m’għandux sebgħu fuq il-polz tal-poplu."

Dan qalu Glenn Bedingfield fil-blog tiegħu, b'risposta għall-kummenti li tenna l-Arċisqof fuq il-programm ta' Andrew Azzopardia, ‘Għandi xi ngħid’, liema kummenti ġew irrapportati fuq il-ġazzetta l-ILLUM.

Fil-blog, Bedingfield saħaq kif l-Arċisqof għoġbu jerġa' jitkellem fuq il-politika u semma lill-Bedingfield partikolarment biex jagħmilha ċara li m'għonqu għandu salib mhux l-arma ta’ xi partit.

Skont Bedingfield, fl-istess intervista tas-Sibt, Scicluna ma sab xejn pożittiv fix-xogħol li qed jagħmel il-Gvern u reġa' rrepeta kliem il-PN. "Dan deher ċar per eżempju, wara li l-Arċisqof naqas milli jikkoreġi l-kritika li għamel dwar id-dwal ta' Kastilja meta kellu l-opportunità."

Filwaqt li "kulħadd għandu dritt għall-opinjoni", kiteb Bedingfield, "bl-istess mod kulħadd għandu jkun espost għal kritika u ma jeħodix bi kbira li jkun ikkritikat."

Fil-blog jissemma kif waqt l-istess programm tar-radju, l-Arċisqof kritika wkoll l-infieq tal-Gvern u tal-PBS. Bedingfiled saħaq li "mhux il-Gvern biss għandu jkun trasparenti iżda anke l-Knisja, bħal per eżempju, l-vera raġuni li għaliha tneħħa minn Arċisqof Mons Pawl Cremona, li baqgħet s'issa mistura min-naħa tal-Knisja."

More in Politika