L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal li riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew biex ir-Renju Unit japplika Artiklu 50 biex titlaq minnufih mill-UE jista’ jkun għodda f’idejn forzi Ewropej li fiha se jaraw ħafna opportunitajiet biex isejħu għal aktar referenda biex aktar stati membri joħorġu mill-UE. Dr Sant qal li se jivvota kontra din ir-riżoluzzjoni għax ma hemmx bażi politika u legali biex il-gruppi politiċi jinsistu li Artiklu 50 jkun attivat mill-aktar fis.
Ir-riżoluzzjoni tressqet fil-Parlament Ewropew b’mod konġunt bejn il-gruppi politiċi EPP, S&D, ALDE u l-Ħodor u għaddiet b’395 vot favur, 200 vot kontra u 71 astenzjoni.
“Ir-Renju Unit, li xorta se jibqa’ parti importanti fl-Ewropa, jinsab f’taqlib politiku u mhux f’pożizzjoni biex jibda n-negozjati biex jitlaq mill-Unjoni. L-istennija sakemm is-sitwazzjoni tistabilixxi ruħha qabel jitnieda l-proċess għat-tluq, mhux se taffettwa s-sitwazzjoni preżenti ta’ inċertezza. L-istennija hija fl-interess fundamentali tal-ħaddiema Ewropej, inklużi dawk Ingliżi.
L-Ewroparlamentari qal li t-triq ’il quddiem, kif ippreżentata fir-riżoluzzjoni, mhux se tinftiehem miċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom. Mhux se tidher bħala tweġiba għal biżgħat u l-inkwiet tagħhom.
“Ir-riżoluzzjoni mhux qed tistaqsi l-aħjar mistoqsijiet u l-anqas m’hi tipprovdi t-tweġibiet it-tajba; ma nkunux fit-triq it-tajba jekk nibdew diskussjoni wiesa’ dwar tibdil fit-trattati, li wħud minnhom jimxu lejn aktar federaliżmu. Dan għaliex ma hemmx prospetti eżistenti li b’mod effettiv inaqqsu d-diverġenzi bejn ir-reġjuni differenti tal-UE. It-triq tal-futur għandha tkun dik li tinsisti dwar it-tisħiħ u l-politika tat-tkabbir ekonomiku.” saħaq Dr Sant.