Imniedi xogħol ta’ restawr fuq il-Loġġa tal-Palju fil-limiti tar-Rabat

Owen Bonnici
Owen Bonnici

Illum il-Ministru għall-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda xogħol ta’ restawr fuq il-Loġġa tal-Palju fil-limiti tar-Rabat. Din il-loġġa li tinsab taħt it-telgħa tas-Saqqajja hija assoċjata mill-qrib mal-festa tal-Imnarja, il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, li tiġi ċċelebrata fid-29 ta’ Ġunju. Fil-fatt, il-festival tal-Imnarja jibda bil-qari tal-bandu fis-Saqqajja, u barra l-Wirja Agrikola fil-Buskett ikun hemm it-tiġrijiet tal-bhejjem taħt is-Saqqajja.

Ix-xogħol, li sar kollu mid-Direttorat tar-Restawr, ra r-rijabilitazzjoni sħiħa u totali ta’ dan il-wirt storiku li kien tħalla jiddeterjora f’qagħda verament ħażina. Storikament, kien għall-kumdità tal-Gran Mastru li kienet inbniet il-loġġa biex isegwi t-tiġrijiet. Fil-bidu kienet tal-injam u minħabba il-maltemp spiss kien jiġrilha l-ħsara.  Għalhekk saret petizzjoni minn Giovanni Gourgion li kien il-Capitano della Verga u fl-1696, fi żmien il-Granmastru Adrien de Wignacourt, inbniet din il-loġġa ddiżinjata minn Lorenzo Gafà u maħduma mill-kapumastru Salvu Borg mis-Siġġiewi.

Il-loġġa tikkonsisti fi pjattaforma msaqqfa b’serje ta’ arkati u hija maqtuha b’opramorta mit-triq ta’quddiema fejn kienu jsiru t-tiġrijiet.  Kien minn fuq din il-pjattaforma li kienu jingħataw il-premijiet tal-Palju. Aċċess ġol-loġġa huwa mill-ġnub u l-art hija taċ-ċangatura. Hemm kamra ma’ naħa minnhom imma din ġiet miżjuda wara. Hemm ukoll żewġ binjiet oħra, waħda fuq kull naħa tal-Loġġa u mibnija fl-istess stil, li minn fuqhom kienu jitilgħu isegwu dak li kien qed jiġri waqt it-tlielaq kif ukoll il-premjazzjoni.

Il-Proġett

Il-Proġett kien jaħseb biex tiġi rrestawrata l-Loġġa tal-Palju. Il-Loġġa tal-Palju kienet vittma tal-umdità li tiġi sew mill-art kif ukoll mit-triq.  Kien hemm ukoll problemi fis-saqaf għax l-ilma tax-xita kien jidħol sew f’pilastru minnhom u wkoll ġol-kamra ta’ biswitu. Il-Loġġa sefat fil-mira ta’ xi vandali li kienu qalbu partijiet mill-opramorta. Snin ta’ abbandun kienu wasslu għal ħsara konsiderevloi ta’ natura strutturali.

L-intevent kien jinkludi xogħol estensiv fuq is-saqaf tal-Loġġa partikolarment dik il-parti li tħares fuq il-kamra tal-ġenb minn fejn kien jidħol ħafna ilma, u fejn kienet ukoll kibret siġra minn ġos-saqaf. Infetħet il-katusa tal-ilma tax-xita mill-għeruq li kien hemm u reġa’ sar id-deffun. Sar ukoll ħafna xogħol fuq din il-kamra li kienet fi stat perikoluż. Sar bdil ta’ ġebel, tikħil tal-fili fejn kien hemm bżonn u reġa’ saret l-opramorta li kienet fi stat ħażin ħafna u li kienet ġiet ivvandalizzata. Reġgħu saru l-bibien li matul iż-żmien kienu ġew imbarrati  bil-ġebel, kif ukoll iċ-ċangatura li partijiet minnha kienu sfaw nieqsa.

Ix-xogħol kollu sar minn ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi tmien xhur fuq firxa  ta’ madwar sena u nofs, minħabba eżiġenzi oħra. In-nefqa fuq materjali laħqet it-Eur12,600.00. Dan il-proġett jingħaqad ma’ kullana ta’ xogħolijiet oħra li d-Direttorat tar-Restawr ikkonkluda din is-sena bil-ħaddiema tiegħu; dawn jinkludu il-Kappella tal-Viżitazzjoni f’ta’ Wejda fil-Mosta, Dar it-8 ta’ Settembru fil-Birgu, u l-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli f’Ħal Lija. Proġetti oħra li għaddejjin bħalissa bil-ħaddiema tad-Direttorat jinkludu il-faċċata tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt, il-Kappella tal-Lunzjata fil-Gudja, il-Kappella tal-Kunċizzjoni fll-Imsida u l-Oratorju tal-Parroċċa ta’ Bormla. Fil-ġimgħat li ġejjin, wara li inġiebu l-permessi meħtieġa, se jinbeda xogħol fuq ħames proġetti li ntagħżlu mill-Iskema ta’ Restawr imnedija s-sena l-oħra, u ċioè l-Arkata ta’ De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, il-Kappella ta’ Porto Salvo fil-Ħamrun, il-Kappella ta’ San Ġwann tal-Għargħar f’San Ġwann, il-Kappella ta’ Santa Luċija f’Santa Luċija, u l-istatwa ta’ Sant Andrija f’Ħal Luqa.

 

 

More in Politika