Il-Prim Ministru Joseph Muscat esprima d-diżappunt tiegħu għal mod kif minkejja li l-UE qed tiffaċċja dik li sejjħilha "l-akbar kriżi" l-iktar li qed jingħata attenzjoni huwa l-Artiklu 50, jew dak l-artiklu li jħejji t-triq biex pajjiż joħroġ mill-UE. F'kummenti mal-midja Muscat sostna li minkejja l-aspetti tekniċi, "nħoss li hemm bosta kwistjonijiet maġġuri. L-Ewropa tal-lum hija waħda fejn in-nies qed iħossuhom dejjem iktar maqtugħin minnha. Forsi l-ewwel deċiżjoni li pajjiż jitlaq mill-UE tista tkun it-tort ta' ħaddieħor, imma jekk ikun hemm it-tieni pajjiż li jitlaq mill-UE it-tort ikun tagħna."
Meta mistoqsi x'se jkun qed jgħid lill-Prim Ministru Ingliż David Cameron, meta jiltaqa' miegħu Muscat qal li "għandi ħafna affarijiet xi ngħidlu." Filwaqt li ammetta li fl-UE bħalissa hemm element ta' inċertezza Muscat sostna li dak li jinteressah l-aktar hujma s-soluzzjonijiet għall-futur.