Il-ħatra ta' Kummissarju ġdid tal-Pulizija tibqa' 'misteru'

....wara li fit-8 ta' Mejju l-ILLUM kienet żvelat kif jista jkun li l-Gvern jaħtar lil Lawrence Cutajar, fil-Parlament terġa ma tingħatax informazzjoni dwar il-ħatra ta' Kummissarju ġdid

Il-ħatra ta' Kummissarju ġdid tal-Pulizija tibqa' xi ftit jew wisq misteru hekk kif l-ebda waħda mill-mistoqsijiet li saru lill-Ministru Carmelo Abela ma kienu mweġbin. Fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda, d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa numru ta' mistoqsijiet lill-Ministru tal-Intern u Sigurta' Nazzjonali, fosthom għalfejn il-Korp tal-Pulizija għadu qed jitmexxa minn Aġent Kummissarju minflok Kummissarju u jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jilqa' t-talba tal-PN li l-ħatra ta' Kummissarju l-ġdid issir b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Parlament. 

Abela wieġeb biss li l-Aġent Kummissarju, illum Lawrence Cutajar għandu l-poteri kollha ta' Kummissarju. Filwaqt li sostna li l-Gvern huwa kommess li "jimmodernizza l-Korp tal-Pulizija" qal ukoll li "bosta deċiżjonijiet jittieħdu fil-mument opportun." 

Fit-8 ta' Mejju il-gazzetta ILLUM kienet irraportat kif l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta ma kienx aċċetta talba li saritlu biex ikun hu li jinħatar Kummissarju. L-istess gazzetta kienet żvelat kif il-Gvern qed jikkunsidra li jżomm lil Cutajar bħala Aġent Kummissarju sakemm eventwalment jaħtar lilu. Għall-mistoqsijiet tal-ILLUM il-Ministeru li jmexxi Abela kienet li deċiżjonijiet lilhinn mill-ħatra ta' Cutajar bħala Aġent Kummissarju jittieħdu "f'mument ieħor". 

More in Politika