'Għandna nindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin mill-għeruq'
Commodini Cachia fi Strasburgu
minn John Busuttil
“Għandu jkollna Unjoni Ewropea li tindizza l-kriminalità organizzata mill-għeruq u mhux biss tindirizza l-effetti fil-pajjiżi membri’ L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan wara li ġie approvat rapport fuq it-traffikar tal-bnedmin waqt il-plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu. Comodini Cachia qalet li “dan ir-rapport iressaq proposti kif l-Unjoni Ewropea tista’ tkun minn ta’ quddiem biex tindirizza l-kriminalità organizzata mill-għeruq, billi tidħol f’diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi sabiex jieħdu miżuri politiċi, soċjali u ekonomiċi li jindirizzaw il-kaġun li jwassal biex persuni jispiċċaw ittraffikati. Jindirizza wkoll kif l-Unjoni Ewropea għandu tikkollabora ma’ pajjiżi terzi biex jitkissru ċ-ċrieki kriminali”. Therese Comodini Cachia kienet rapporteur tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) fuq dan ir-rapport.
Ir-rapport jirrikonoxxi t-traffikar tal-bnedmin bħala krimini transnazzjonali fuq livell globali u jidentifika l-importanza ta’ ħidma konsistenti fil-policies tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Jipproponi wkoll azzjoni Ewropea biex tiġi ndirizzata l-kawża tat-traffikar tal-bnedmin, billi tiffoka fuq il-persuna bħala li hija l-vittma tat-traffikar tal-bniedem filwaqt li tieħu konjinzjoni taċ-ċirkostanzi ġeo-politiċi u soċjo-ekonomiċi li qed iwasslu biex persuni jispiċċaw vittmi tat-traffikar. L-Unjoni Ewropea qed tiġi mħeġġa li tinvesti aktar fil-EUROPOL biex issaħħaħ il-ħidma kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Ir-rapport jiffoka fuq oqsma differenti tal-isfruttament mit-traffikar fosthom dak sesswali, l-isfruttament fuq ix-xogħol, it-traffikar tal-organi u żwiġijiet sfurzati. Skont ir-rapport globali dwar it-traffikar tal-persuni tal-Uffiċċju dwar id-Drogi u l-Krimini tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNODC), 70% tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma nisa u tfajliet. In-nisa jammontaw għal 79% tal-vittmi tas-sess filwaqt li l-irġiel huma t-83% tal-vittmi fl-isfruttament fuq ix-xogħol. Comodini Cachia enfasizzat li “l-vittmi huma ‘nies inviżibbli’. Huma vulnerabbli għax waħedhom, maħkuma minn sistema ta’ abbuż, ma jistgħux jikkomunikaw ma’ persuni ‘l barra mill-abbuż u mistura mill-awtoritajiet li jistgħu jgħinuhom. Dan ir-rapport jindirizza t-traffikar fuq livell globali bi proposti kif l-Unjoni Ewropea tista’ ssaħħaħ l-isforzi internazzjonali billi tiffoka fuq il-kawżi, filwaqt li tiżviluppa l-qasam internazzjonali u l-programmi ta’ għajnuna għall-iżvilupp biex tindirizza l-kawża li twassal biex persuna tispiċċa vittma tat-traffikar”.
L-Ewroparlamentari appellaw lill-Unjoni Ewropea biex issaħħaħ il-liġijiet interni kontra t-traffikar tal-bnedmin, tikkopera ma’ pajjiżi terzi u tiżgura l-infurzar tal-liġijiet. Il-pajjiżi membri tal-Unjoni għandhom ukoll jinvestu fit-teknoloġija biex jidentifikaw, isibu u jiġġieldu użu ħażin tal-internet miċ-ċrieki kriminali biex isibu u jbiegħu l-vittmi onlajn. Ir-rapport jidentifika forom differenti ta’ sfruttament filwaqt li jipproponi miżuri li jsaħħu r-rwol tal-awtoritajiet u l-għaqdiet fis-soċjetà ċivili li jassistu l-vittmi biex joħorġu mill-abbuż.