PL : ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jiċċensura lil Chris Said

Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kunsilli Lokali, l-istess Awditur iċċensura lil Chris Said għall-indħil politiku dirett tiegħu

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jiċċensura lil Chris Said
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jiċċensura lil Chris Said

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona u mis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo ntqal kif mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kunsilli Lokali, l-istess Awditur iċċensura lil Chris Said għall-indħil politiku dirett tiegħu.

Chris Cardona qal li mir-rapport joħroġ kif Chris Said kien jaqbad u jalloka fondi addizzjonali filwaqt li ma kienu jinstabu l-ebda dokumenti tant li l-Awditur Ġenerali rrimarka li ma setax jagħmel il-verifiki kif suppost.

"Dan kollu ma jirrifletiex good governance u trasparenza", stqarr id-Deputat Mexxej Laburista, filwaqt li saħaq kif ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jgħid bl-aktar mod ċar kif l-affarijiet kienu jitmexxew b’mod diletantesk.

Dr Cardona saħaq li mhux vera dak li qal Chris Said li l-indħil kien isir biex jitħaffef il-proċess, tant li lanqas l-Awditur Ġenerali ma emmen din il-verżjoni. Id-Deputat Mexxej Laburista għamel referenza wkoll għas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ diversi Kunsilli Lokali li daħlu f’dawn l-iskemi għax għal dawn l-iskemi ma kien jeżisti l-ebda budget

"Chris Said qed jagħti definizzjoni ġdida ta’ responsabbiltà politika, meta jgħid li ser jerfa’ ir-responsabbiltà u ma jagħmel xejn", stqarr id-Deputat Mexxej Laburista filwaqt li saħaq li Simon Busuttil ma kkundanax lil Chris Said. Fl-aħħarnett il-Ministru fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu standards differenti mhux biss għal dawk li ma jaqblux miegħu politikament, iżda anke għal dawk ta’ madwaru.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li dan ir-rapport mhux biss juri nuqqasijiet kbar ta’ Chris Said iżda li l-istess Said kien jieħu deċiżjonijiet li permezz tagħhom kien jinqabeż il-Bord ta’ evalwazzjoni tant li kienu bosta li kienu jmorru għandu dirett u mhux għand il-Bord. Stefan Buontempo semma kif bħala eżempji, fil-każ tar-Rabat Għawdex, kienu ddaħħlu applikazzjonijiet tard għall-iskema EGOV4U u biex kienu akkomodat il-Kunsill, inħarġet estensjoni sa meta setgħu jintefgħu l-applikazzjonijiet filwaqt li fil-każ tan-Nadur, kienu ntgħataw €7,000 f’fondi meta suppost kellhom jingħataw €5,000 wara intervent dirett mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.

Fl-aħħarnett is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-Gvern irid li kull proġett li jidħlu għalih il-Kunsilli Lokali jkunu wieħed li jkun sostenibbli.

More in Politika