L-agħar Ewropa possibbli ...
Joe Ellis jiddiskuti l-UE tal-lum, wara r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit
minn Joe Ellis
... Ħlief għall-Ewropi li ġew qabilha. Dan il-kliem qalu l-istoriku ngliż Timothy Garton Ash billi pparafraża l-famuża frażi ta’ Churchill dwar id-demokrazija. Garton Ash huwa ewropeista konvint illi ddeskriva l-għada tar-referendum bħala l-aktar jum ta’ dwejjaq f’ħajtu.
Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda tassew straordinarja fl-istorja tar-Renju Unit. Ir-riżultat tar-referendum ħoloq kaos sħiħ u kif għidt il-ġimgħa l-oħra, huwa ċar illi min ikkampanja biex jitlaq mill-U.E. ma kellu l-ebda pjan x’ser jiġri fil-każ ta’ rebħa. Issa għaddiet aktar minn ġimgħa u għadu ħadd ma jaf eżatt x’tip ta’ relazzjoni ġdida r-Renju Unit irid mal-U.E. Il-wiċċ l-aktar prominenti tal-kampanja tal-Leave, Boris Johnson, għamel dikjarazzjoni pjuttost mqieta meta tħabbar ir-riżultat, qatta’ l-week-end jilgħab il-cricket u llimita ruħu għall-artiklu regulari tiegħu fit-Telegraph ta’ nhar ta’ Tnejn illi għalih jirċievi l-bellezza ta’ £ 266,667 fis-sena. Johnson pinġa stampa fejn prattikament kollox ser jibqa’ l-istess bil-Brexit ħlief illi tiġi limitata l-immigrazzjoni mill-pajjiżi tal-U.E.
Johnson spiċċa jirtira mit-tiġrija għas-suċċessur ta’ Cameron wara illi ngħata gambetta minn sieħbu fil-kampanja tal-Leave, il-ministru tal-ġustizzja Michael Gove. Nhar il-Ħamis, Gove ta diskors ta’ 5,000 kelma imma ma ddefiniex ir-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-U.E. Bħalma l-anqas għamlet il-ministru tal-intern, Theresa May illi issa hija l-favorita illi ser tispiċċa f’10 Downing Street. Intant, il-mexxej tal-partit laburista, Jeremy Corbyn qiegħed jaffaċja rvell sħiħ fil-grupp parlamentari tiegħu illi sfiduċjah bil-kbir (172 għal 40). Jidher illi m’għad fadallux ħajja twila fit-tmun u postu jista’ jimtela’ minn Angela Eagle. Ma niskantax illi fi ftit xhur oħra, il-prim ministru u l-kap tal-opposizzjoni fir-Renju Unit ikunu t-tnejn nisa (kif possibilment ikunu ukoll il-president u viċi-president amerikan).
Fi kwalunkwe każ, l-unika mexxej denju illi jidher illi hemm fir-Renju Unit bħalissa huwa l-ewwel ministru skoċċiż Nicola Sturgeon illi din il-ġimgħa għaddiet fil-parlament skoċċiż risoluzzjoni bl-appoġġ tal-laburisti u l-ħodor imma m’hux tal-konservattivi (ilkoll immexxijin min-nisa) sabiex l-Iskozja tfittex illi żżomm postha fl-Ewropa. F’Westminster jidher illi hemm vojt kbir u ħadd m’għandu ideja ċara tat-tip ta’ relazzjoni illi r-Renju Unit jixtieq jiżviluppa mal-U.E. Bosta kummentaturi qed isostnu illi l-mudell norveġiż huwa dak illi jagħmel l-anqas ħsara lill-ekonomija brittanika. Imma dan ifisser illi r-Renju Unit jrid jaċċetta l- moviment liberu tal-persuni illi tkun verament disfatta għall-Brexiteers. U xorta jfisser illi s-City ta’ Londra, il-belt kapitali finanzjarja tal-Ewropa, ma tibqax tgawdi l-prerogattivi kollha li għandha bħalissa. Ikun tassew straordinarju illi pajjiż jaċċetta illi minn membru sħiħ tal-U.E. jispiċċa b’ħafna mill-obbligi imma ftit mid-drittijiet sabiex iżomm l-aċċess tiegħu għas-suq waħdieni.
Quddiem għażla bħal din (l-Inġliżi jirreferu għaliha bħala waħda ta’ Ħobson) m’hux ta’ b’xejn illi għad hemm din l-inċertezza kollha dwar ir-relazzjoni futura mal-U.E. Cameron probabilment ħa deċiżjoni tajba illi mar lura minn kelmtu, irriżenja u qal illi sta għas-suċċessur tiegħu sabiex jinvoka l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona. U kemm May kif ukoll Gove ddikjaraw illi m’għandhomx xi għaġla partikolari illi jinvokawh sabiex jibdew għaddejjin is-sentejn illi fihom irid jiġi konkluż id-divorzju.
huwa ċar illi min ikkampanja biex jitlaq mill-U.E. ma kellu l-ebda pjan x’ser jiġri fil-każ ta’ rebħa. Issa għaddiet aktar minn ġimgħa u għadu ħadd ma jaf eżatt x’tip ta’ relazzjoni ġdida r-Renju Unit irid mal-U.E Joe Ellis
Ir-reazzjoni ewropea kienet inizjalment propensa illi l-artiklu 50 għandu jiġi nvokat immedjatament. Imma bil-mod il-mod, beda jitfaċċa atteġjament aktar realistiku u kulħadd aċċetta illi l-ewwel irid jintgħażel kap tal-partit konservattiv ġdid. Helmut Kohl issuġġerixxa illi l-Ewropa turi paċenzja mar-Renju Unit u Angela Merkel ukoll uriet ruħha aktar flessibli minn mexxejja ewropej oħra bħal Juncker, Schultz u Hollande. Iż-żmien isajru l-bajtar u fil-waqt illi r-Renju Unit jibda igħodd il-konsergwenzi tal-Brexit, bosta affarijiet jistgħu jiġru. Anke hawnhekk ir-reazzjoni ewropea hija mħallta : min irid jagħlaq il-bibien lir-Renju Unit u min qed iżomm ħajja l-possibilità illi eventwalment jintlaħaq ftehim ġdid illi jżomm lir-Renju Unit fl-Unjoni. Madankollu, il-posizzjoni komuni hi illi kuntrarjament għal dak li jixtiequ l-Brittaniċi, ma jsirux negozjati nformali qabel ma jiġi nvokat l-artiklu 50 u illi ma jistgħux isiru negozjati ġodda dwar il-post tar-Renju Unit fl-U.E. In-negozjati illi s’issa huma antiċipati huwa dwar il-relazzjoni tar-Renju Unit mal-U.E. imma m’hux fi ħdan l-U.E. Kif qal Juncker fis-saħna tal-mument, id-divorzju m’hux ser ikun amikevoli imma l-anqas qatt kien hemm xi mħabba kbira bejn ir-Renju Unit u l-U.E.
Ħafna qegħdin jispekulaw fuq ir-raġunijiet ta’ dan il-vot. Bosta kienu dawk illi kkummentaw fuq il-medja soċjali u taw tort lill-Kummissjoni Ewropeja u anke lil Angela Merkel. Bosta kienu dawk hawn Malta illi urew l-istint ewroxettiku tagħhom u sentiment qawwi anti-tedesk. Bosta huma dawk illi qed igħidu illi dan il-vot hu tort ta’ Unjoni illi hija maqtugħa mir-realtajiet ta’ kuljum taċ-ċittadin. U jidher illi anke l-prim ministru tagħna abbraċċja dan is-sentiment u beda jagħmel ħsejjes illi waslu lill-kap ta’ l-opposizzjoni biex jittimbrah ewroxettiku. Muscat għandu jifhem il-qagħda delikata illi jinsab fiha : ma jistax kif igħidu l-Ingliżi “run with the foxes and hunt with the hounds.” Għadu kif kellu eżempju maġistrali x’jiġrilu mexxej illi flok imexxi jispiċċa jitmexxa mill-kurrenti. Cameron spiċċa mkisser fuq is-sikka għaliex ma kienx kapaċi jieqaf għall-mewġ ewroxettiku fil-partit tiegħu u kkommetta ruħu għal referendum illi fih l-U.E. ma kienetx il-kwistjoni primarja.
Għaliex deher ovvju fil-ġimgħat ta’ qabel ir-referendum illi l-kampanja tal-Leave kienet qabdet momentum qawwi meta bdiet tisfrutta r-risentiment lejn l-immigranti fir-Renju Unit minkejja illi dawn iħallu ħafna aktar benefiċċji ekonomiċi milli piżijiet. Imma pprova kkonvinċi lill-furnar f’Peterborough illi kellu jagħlaq minħabba forn illi fetaħ pollakk żewġ bibien ‘il bogħod minnu. Bosta kienu l-fatturi illi mmilitaw sabiex isseħħ ir-rebħa żgħira tal-kamp tal-Leave. Kellek media nazzjonali illi fil-maġġiorparti kienet ostili għall-U.E. u ilha s-snin tesaġera u tgħawweġ dwar l-U.E. Il-kampanja tal-Leave kienet bla skrupli b’ħafna wegħdiet illi fi ftit sigħat ġew irtirati bħal dik illi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-U.E. ser ifisser investiment ta’ £ 350 m fil-ġimgħa fl-N.H.S. Mill-banda l-oħra, il-kampanja tar-Remain kienet fjakka u negattiva b’Cameron ma jridx jattakka direttament lill-konservattivi fil-kamp tal-Leave u Jeremy Corbyn distakkat kemm jista’ jkun u illi m’għamel xejn biex il-kamp tar-Remain tirbaħ.
Imma l-akbar kawża, fl-opinjoni tiegħi, u intrinsikament marbuta mal-babaw tal-immigrazzjoni, huwa l-fatt illi l-globalizzazzjoni ħalliet rebbieħa u telliefa u illi l-klima neo-liberali ħolqot disugwaljanzi ekonomiċi dejjem jikbru fost in-nies. Huwa pjuttost inġust illi tattribwixxi t-tort ta’ dawn il-fenomeni lill-U.E. meta l-U.E. nvestiet flejjes kbar sabiex tindirizza d-disparitajiet ekonomiċi reġjonali tar-Renju Unit, ferm aktar milli għamel il-gvern ta’ Westminster. Madankollu, bosta nies użaw il-vot f’referendum dwar ir-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-U.E. sabiex jibgħatu messaġġ lill-elite ta’ Oxbridge illi l-vuċi tagħhom għandha saħħa u għadha tiswa.
l-globalizzazzjoni ħalliet rebbieħa u telliefa u illi l-klima neo-liberali ħolqot disugwaljanzi ekonomiċi dejjem jikbru fost in-nies. Huwa pjuttost inġust illi tattribwixxi t-tort ta’ dawn il-fenomeni lill-U.E. meta l-U.E. nvestiet flejjes kbar sabiex tindirizza d-disparitajiet ekonomiċi Joe Ellis
Sfortunatament, dawn it-talin, bil-vot tagħhom, ser jirrendu l-pożizzjoni tagħhom aktar imwiergħa. Imma l-vot fir-referendum Brittaniku, ir-rebħa ta’ Donald Trump fil-primarji repubblikani, is-saħħa tal-kampanja ta’ Bernie Sanders fil-primarji demokratiċi u l-popularità tikber ta’ ħafna partiti tal-lemin estrem f’bosta pajjiżi ewropej huma kollha manifestazzjonijiet tal-istess fenomenu fejn min qed jispiċċa tellief fit-tiġrija frenetika illi l-globalizzazzjoni qiegħda timponi fuq kulħadd qiegħed jispiċċa ddisprat. Dan ċertament għandu jagħti lok għal ħafna riflessjoni u speċjalment jekk il-welfare state hux qiegħed joħloq dipendenza fuq is-servizzi soċjali illi qiegħda żżomm lil bosta milli jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom u żżommhom fi stat ta’ semi-faqar u ta’ frustrazzjoni permanenti.
Wieħed m’hux qiegħed igħid illi l-U.E. m’għandhiex tagħmel eżami tal-kuxjenza minħabba dan ir-riżultat. Imma wieħed ma jikkondividix l-opinjoni ta’ bosta, speċjalment dawk ta’ tendenzi ewroxettiċi, illi dan ir-riżultat ser ikun il-prekursur tax-xoljiment tal-Unjoni. L-Unjoni għad fadlilha ħafna saħħa morali u intelletwali minkejja l-kritika kollha illi ssirilha. Il-Brexit ser turi lil kull min irid jara u m’huwiex mitluf f’dagħdigħa ta’ mibgħeda lil kull ma għandu x’jaqsam mal-U.E. illi l-pajjiżi ewropej m’għandhom alternattiva realistika għas-sħubija fl-U.E.
Il-Brittaniċi huma l-fniek tal-indi illi ser isalvaw il-proġett ewropew.