Waqt stqarrija fuq Radju 101 dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, stqarr li "l-poplu qed iħares lejn il-Gvern b'mod differenti, speċjalment mill-bidu ta' din is-sena, hekk kif din bdiet bit-tejatrin tal-messaġġ tal-ewwel tas-sena u kompliet bi skandlu wara l-ieħor."
Busuttil saħaq li fl-aħħar elezzjoni, il-poplu vvota għal Joseph Muscat għax għoġbitu l-għajta ta' "Tagħna lkoll", mentri issa qiegħed jirrealizza bil-gideb ta' Muscat u jaraw kif l-istess għajta, llum hija ċajta.
"Dan", skont Busuttil, "jidher speċjalment fejn tidħol in-nuqqas ta' trasparenza f'każi bħall kuntratti dwar l-enerġija u l-isptarijiet li qatt ma ġew ippubblikati." Busuttil kompla jgħid li l-fatt li dawn il-kuntratti hemm Konrad Mizzi u Keith Schembri nvoluti, weġġawħ aktar lill-poplu.
Busuttil spejga kif il-gideb ta' Muscat laħqu l-għola livelli bil-każ tal-power station li nbiegħet bil-moħbi lix-Shangai Electric u li issa l-Gvern qiegħed iħallas lil din il-kumpanija Ċiniża għall-użu ta din l-istess power station, mingħajr ma qed jgħid lill-poplu kemm qegħdin jintefqu flus għal dan.
Busuttil saħaq li l-Power Station kienet il-wegħda elettorali ewlenija li wasslet biex Muscat jiġi elett; wegħda li jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl permezz ta' power station ġdida li kella tinbena fi ftit żmien.
"U din kienet gidba," qal Busuttil, "għax din il-powerstaion għada mhux lesta, u r-roħs fil-kontijiet qed isir permezz tal-power station li bena l-PN fl-2012."