Il-kandidata tal-Partit Konservattiv Ingliż Andrea Leadsom irtirat il-kandidatura tagħha mit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit. Dan hekk kif David Cameron ħabbar li kien se jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu ta' mexxej tal-Partit u Prim Ministru wara r-riżultat tar-referendum dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa' parti mill-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant, din ħalliet lil Theresa May bħala l-unika kandidata fit-tellieqa għal mexxej. Leadsom qalet li kienet qed tirtira l-kandidatura minħabba li temmen li l-pajjiż għandu bżonn stabbiltà u ma jistax jgħaddi minn kampanja elettroali ta' 9 ġimgħat għat-temxxija tal-partit u eventwalment Prim Ministru.
Minkejja dan, ħafana sostnew li Leadsom kienet imġiegħla tirtira l-kandidatura wara kritika ħarxa li qalgħet wara kummenti negattivi li għaddiet fi tmiem il-ġimgħa li għadda, li hi setgħet tieħu deċiżjonijiet aħjar minn May minħabba li hi omm u May mhix.
Iċ-chairman tal-kumitat 1922, li jieħu ħsieb l-elezzjonijiet interni tal-Partit Konservattiv , Graham Brady ikkonferma li mhux se jerġa' jinfetaħ il-proċess biex ikun hemm kandidat ieħor għat-tmexxija, u fis-sigħat li ġejjin għandu jħabbar formalment li Theresa May hi l-mexxej il-ġdid tal-Partit Konservattiv Ingliż u għaldaqstant, Prim Ministru.
Għalhekk huwa mistenni li tkun biss kwistjoni ta' ġranet jew anke sigħat qabel ma Theresa May tiġi uffiċjalment maħtura kap tal-Partit u sussegwentement, Prim Ministru.