L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) resqet protest ġudizzjarju kontra s-Segretarju Principali Permanenti fl-Ufficcju tal-Prim Ministru u kontra s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali għall-ħlas lill-fizzjali tas-siegħat żejda li nħaddmu minnhom waqt iċ-CHOGM u l-Valletta Summit f’Novembru tas-sena li għaddiet.
Dan sar wara bosta tentattivi mill-MPA sabiex dawn jitħallsu tax-xogħol, liema talbiet ġew injorati.
"Matul dawn l-avvenimenti hemm fizzjali li saħansitra ħadmu aktar minn 150 siegħa żejda, għal liema siegħat baqgħu ma tħallsux," stqarret l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta
Minnkejja li qed jingħad li dan għandu jitqies bħala ‘disturbance’, l-MPA tisħaq illi dan ma kienx każ ta’ ‘disturbance’. Hawn il-fizzjalli ġew dettaljati u obbligati jaħdmu dawn il-ħinijiet.
"Hi mnejn hi ġejja din l-anomalija, l-abbuż hemm bżonn li jieqaf darba għal dejjem. Jekk id-Dokument li jirregola l-kundizzjonijitt tax-xogħol tal-Pulizija mhux ġust, dan għandu jiġi emendat kif xieraq." saħqu l-MPA, filwaqt li żiedu jgħidu li "l-Pulizija huma ħaddiema fis-servizz pubbliku bħal ħaddieħor, u għaldaqstant għandhom minn tal-anqas igawdu mill-kundizzjonijiet bażiċi li jgwadi minnhom kulħadd."
"Kull xogħol ħaqqu ħlasu – irrispettivament minn x'iddeċieda għall-ħaddiem dak li qed iħaddmu." - MPA
L-MPA qed tkompli twissi lill-Gvern sabiex ifittex jieħu l-passi kollha neċessarji u jibda l-proċess ta’ negozjar ta’ ftehim settorjali kif jistabilixxi l-Ftehim Kollettiv tal-2011 – 2016.
L-MPA lesta li tkompli tieħu kull azzjoni fil-liġi neċessarja biex id-dritt sagrosant tal-ħaddiem li jinnegozja kollettivament jiġi mħares u mhux ostakolat.