Il-prezz ta' darek għola b'2.6% f'sena

Skont il-Eurostat il-prezzijiet tad-djar f'Malta għolew b'2.6% mis-sena l-oħra ... fl-Ungerija żdiedu b'15.2% u fl-Awstrija b'13.4%

Il-prezz biex tixtri darek għola b'2.6% fl-aħħar sena, xi ħaġa li kienet mistenija hekk kif il-prezzijiet tal-proprjetà u tal-kirjiet bħalissa qed jogħlew minħabba li s-suq huwa wieħed b'saħħtu ħafna. Naturalment eluf ta’ proprjetarji jaraw din iż-żieda bħala xi ħaġa pożittiva ferm, imma eluf oħrajn li qed ifittxu illi jixtru proprjetà, jaraw dan bħala piż qawwi fuqhom.

Minkejja dan iżda, u forsi bħala ftit ta’ konsolazzjoni għall-eluf li se jkollhom joħorġu  aktar mill-but,  ż-żieda fil-prezz tar-residenzi  hawn Malta hija ferm iżgħar minn dik f'pajjiżi oħrajn. Fil-fatt fl-Ungerija u fl-Awstrija kien hemm żieda ta' 15.2% u 13.4% rispettivament fil-prezzijiet tad-djar. 

Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Eurostat, li żvelat ukoll iżda kif fl-ewwel kwart ta' din is-sena kien hemm tnaqqis fil-prezz tal-proprjeta' f'Malta. Jidher illi x-xejra ' fuq fil-prezzijiet tal-proprjeta' mhux fenomenu marbut biss ma' pajjiżna iżda mal-UE kollha hekk kif l-istess ċifri jiżvelaw żieda ta' 4% fil-prezzijiet tad-djar u 3% fl-istess prezzijiet fiż-żona ewro. 

More in Politika