Meta tibda s-sħana nofs Malta terħilha lejn Buġibba, min biex jippassiġġa u min biex jgħix għal ftit żmien. Iżda mhumiex il-Maltin biss li jqattgħu s-Sajf tagħhom fil-lokalita' ta' San Pawl il-Baħar u ż-żona, imma wkoll numru kbir ta' turisti li jiġu jżuruna. Fil-fatt, bi 12,000 sodda, San Pawl/Buġibba u l-Qawra huma l-akbar ċentru turistiku f'pajiżna.
B'kollox f'din il-lokalità hemm ħames lukandi ta' żewġ stillel, bi 322 sodda, 16-il lukanda ta' tliet stillel b'4,496 sodda u 16-il lukanda oħra ta' erba' stillel b'7,121 sodda. Meta tgħodd dawn man-numru ta' guesthouses u hostels fil-lokal wieħed isib li b'kollox hemm 37 post t'akkomodazzjoni bi kważi 12,000 sodda bejniethom.
Minkejja dan huwa interessanti l-fatt li f'din il-lokalita', li tinkludi wkoll iż-żoni ta' Burmarrad u x-Xemxija, m'hemmx lukandi ta' ħames stillel. B'kuntrast għal dan, f'San Ġiljan, li jinkorpora wkoll il-mekka tad-divertiment Paceville, hemm sitt lukandi ta' ħames stillel bi ftit iktar minn 4,000 sodda filwaqt li f'Tas Sliema hemm tnejn, b'536-il sodda. Dawn il-fatti, li kienu żvelati fil-Parlament ma jieħdux kunsiderazzjoni proposti ġodda għal tliet lukandi, waħda minnhom ta' sitt stillel, proposti li jsiru fil-Bajja San Ġorġ, f'San Ġiljan.
Bejn San Ġiljan u Tas Sliema hemm b'kollox ftit iktar minn 13,000 sodda. Għal Għawdex il-lokalitajiet l-aktar turistiċi huma x-Xlendi u Marsalforn.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.