Investiment ta' €1 miljun għal organizzazzjonijiet kulturali

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar investiment ta’ aktar minn miljun ewro bħala parti minn programm ġdid ta’ fondi li jagħti sostenn lill-organizzazzjonijiet kulturali, hekk kif ġie mwiegħed fil-Budget 2016. Fil-fatt, illum it-12 ta’ Lulju, ġew imħabbra 11-il organizzazzjoni jew festivals kulturali li se jkunu qed jibbenefikaw mill-Cultural Partnership Agreement.

Il-Cultural Partnership Agreement huwa ftehim ta’ sħubija, f’forma ta’ Public Private Partnership (PPP), bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u dawn l-organizzazzjonijiet jew festivals kulturali għal tliet snin, 2017-2019. Dawn is-sħubijiet se jkomplu jikkontribwixxu sabiex dan is-settur ikun aktar professjonali permezz ta’ element qawwi ta’ taħriġ u mentoring li huwa parti mill-programm ta’ fondi.

L-organizzazzjonijiet u l-festivals li se jibbenefikaw minn dan il-programm ta’ fondi huma: Beland Band Club, Film Grain Foundation, Inizjamed, L-Għanja tal-Poplu, Malta Fashion Association, Malta Film Foundation, BLITZ, Kinemastik, META Foundation, Opening Doors Association u t-Teatru Salesjan.

L-għażla tal-benefiċjarji saret wara li ġiet eżaminata kull organizzazzjoni li ssottomettiet l-interess tagħha sabiex tidħol fi sħubija mal-Kunsill Malti għall-Arti. L-evalwazzjoni saret skont il-kriterji mniżżlin fil-Linji Gwidi tas-sejħa fosthom, ir-relevanza tal-programm artistiku mal-għanijiet tal-iStrateġija 2020 u l-pjan strateġiku tal-organizzazzjoni. 

More in Politika