L-Airline Pilots Association's (ALPA) ħabbret fil-Qorti, li ebda titjira tal-Air Malta mhi se tiġi kkanċellata b’riżultat tal-azzjonijiet industrijali li l-union qed tieħu mal-linja tal-ajru nazzjonali.
L-Avukat Edward Gatt kien qiegħed jindirizza l-Ewwel Awli tal-Qorti Ċivili, presedjata mill-Imħallef Silvio Meli, waqt is-smigħ dwar il-protesta li ppreżentat l-union, li fiha kienet qed toġġezzjona kontra l-inġuzzjoni li kisbet l-Air Malta li twaqqaf lill-bdoti milli jieħdu azzjonijiet industrijali.
Gatt għamel stqarrija uffiċjali, li fiha saħaq kategorikament li ebda titjira tal-Air Malta mhi se tiġi kkanċellata b’riżultat tal-azzjonijiet industrijali li l-ALPA għanda mal-linja tal-ajru nazzjonali.
Ir-rappreżentant legali tal-Air Malta, Louis de Gabriele, fi stqarrija uffiċjali, reġa’ kkonferma li l-linja tal-ajru preżentement tinsab minn taħt b’€66 miljun.
Wara s-smigħ tal-kummenti finali miż-żewġ naħat, l-Imħallef Meli, aġġorna s-sedutasabiex tingħata s-sentenza.