Aġġornat | 'L-iskandlu tal-visas mediċi qed ipoġġi s-sigurtà ta’ pajjiżna f’riskju' - Beppe Fenech Adami

Intant il-PL jirrispondi għall-kummenti ta' Fenech Adami, b'lista ta' skandli li jinvolvu l-PN u akkużi ta' Double Standards...

Beppe Fenech Adami u Amanda Abela jindirizzaw konferenza tal-Aħbarijiet
Beppe Fenech Adami u Amanda Abela jindirizzaw konferenza tal-Aħbarijiet

"L-iskandlu tal-visas mediċi li fih hemm involut persuna qrib ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, u li fih hemm allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni - qed ikompli jpoġġi s-sigurtà ta’ pajjiżna f’riskju. Huwa ċar li l-interessi ta’ Kastilja - fejn inħema dan l-iskandlu - m’humiex is-sigurtà tal-familji Maltin u Għawdxin iżda l-korruzzjoni u l-eluf ta’ ewro b’tixħim."

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Amanda Abela.

Beppe Fenech Adami qal li dan huwa t-tielet skandlu ta’ korruzzjoni minn individwi viċin ħafna ta’ Muscat u li jpoġġu s-sigurtà ta’ pajjiżna f’riskju. Infatti, Fenech Adami elenka numru ta' skandli li jinvolvu l-għotja ta' visas għal Malta, taħt ċirkuastanzi suspetti.

l-iskandlu tal-ħruġ ta’ 7,000 visa lill-Alġerini f’sena u nofs fi żmien meta l-kuġin tal-Prim Ministru Joseph Muscat kien il-Konslu ta’ Malta fl-Alġerija;

Il-ħruġ ta’ 14,000 permess ta’ residenza lill-Libjani f’sena waħda biss, u li dwaru tressaq il-Qorti akkużat b’korruzzjoni l-eks Teżorier tal-PL

Il-ħruġ ta’ aktar minn 600 visas mediċi lill-Libjani u li numru minnhom inħarġu minn uffiċjal għoli f’Kastilja li hu ħabib personali ta’ Muscat, Schembri u Mizzi

Beppe Fenech Adami qal li l-arroganza li ħakmet lill-ogħla uffiċjali tal-Gvern ta’ Muscat hija bla limiti, tant li l-atteġġjament ta’ Neville Gafa wara li ġie żvelat dan l-iskandlu, mhux talli ma kienx wieħed li jixraq lill-uffiċjali pubbliċi, iżda talli kompla għaddej b’attakki sfrenati kontra l-Partit Nazzjonalista kif ukoll b’tifħir lill-Prim Ministru u l-klikka ta’ Kastilja.

Minn naħa tagħha, Amanda Abela qalet li n-nies għandhom raġun ikunu mħassbin dwar is-sigurtà ta’ pajjiżhom, u dan peress li l-Gvern, quddiem l-aħbarijiet xejn feliċi minn madwar id-dinja, flok jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji, qed jinvolvi ruħu fi skandli ta’ korruzzjoni fi ħruġ ta’ visas u permessi ta’ residenza lill-Alġerini u lill-Libjani.

Amanda Abela fakkret li anke d-deċiżjoni tal-Gvern li jneħħi l-vilipendju tar-reliġjon minn reat hija deċiżjoni oħra li żżid ir-riskju għas-sigurtà f’pajjiżna. Il-kandidata għall-elezzjoni ġenerali temmet tgħid li "l-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux biss huwa l-aktar Gvern korrott fl-istorja politika Maltija, iżda issa l-korruzzjoni qed tħalli impatt serju fuq is-sigurtà tal-familji Maltin u Għawdxin."

Intant, Il-PL irrisponda għall-istqarrija ta' Fenech Adami u saħqu li... "Ħadd m’għadu jieħu lill-Partit Nazzjonalista bis-serjeta"

B'reazzjoni għall-kummenti ta' Fenech Adami dwar l-allegati skandli li nvolut fihom il-PL, Il-Partit Laburista, ħareġ stqarrtija fejn qal li "l-Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil tibqa taħseb li għandha d-dritt divin li tagħmilha ta’ prosekutur, ġurat u imħallef. Iżda tant m’għandha ebda kredibbilta, li ħadd ma jeħodha bis-serjeta."

B'risposta għall-lista ta' skandli elenkati minn Fenech Adami, il-PL irrisponda li filwaqt li tkun aggressiva fuq allegazjonijiet li diġa ġew miċħuda mill-persuna involuta u li l-pulizija u l-Avukat Ġenerali għadhom qed jinvestigaw, l-istess Oppożizzjoni m’għamlet xejn fuq każijiet, u mhux allegazzjonijiet, li ġew deċiżi mill-istituzzjonijiet kompetenti f’pajjiżna, bħal dawk fejn :

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li nstab ħati minn inkjesta li bagħat ħaddiema tal-Gvern jaħdmu fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq waqt il-ħin tax-xogħol u li ġielgħom jieħdu ġurament falz, bil-Qorti ma temminx il-verżjoni ta’ Toni Bezzina.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said li nstab ħati mill-Awditur Ġenerali li ndaħal personalment fuq fejn u għand min għandhom imorru l-flus tal-kunsilli l-loakli u li kiser il-prinċipji tat-trasparenza.

Is-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi li nstab ħati mill-Qorti ta’ sewqan perikoluż taħt l-effett tal-alkohol u li reġa tpoġġa minn Simon Busuttil fil-kariga li kien jokkupa qabel l-każ.

"Il-lista ma tieqaf qatt u hemm ħaġa waħda komuni fil-każijiet kollha. Minkejja l-paroli kollha tiegħu fuq governanza, Simon Busuttil qatt ma jieħu passi fuq in-nies qrib tiegħu, anke jekk ikun ippruvat l-għemil ħażin tagħhom. Jibqa joħroġ għonqu għal ta’ madwaru, jagħmlu x’jagħmlu."

L-isqarrija tla- PL temmet bil kumment dwar "id-double standards li l-Kap Nazzjonalista huwa sinonimu għalihom u li qed iwaqqgħu lill-Partit Nazzjonalista fl-iktar livell baxx tal-istorja tiegħu."

More in Politika