'Iġru kemm tifilħu u meta ma tistgħux tiġru iktar staħbew.' Hekk kienu il-kliem tat-twissija tal-Assistent Kummissarju ta' Scotland Yard Mark Rowley lil aktar minn 10 miljun persuna li tgħix f'Londra, fid-dawl ta' żieda fil-livell ta' sigurtà fil-belt biex tilqa' għal kull eventwalità ta' attakk.
Mal-gazzetta ferm popolari li titqassam fit-Tubes tal-belt 'The Evening Standard' Rowley, li huwa wkoll uffiċjal anzjan fil-ħidma kontra t-terroriżmu, spjega kif għalkemm li wieħed jiġri mill-post waqt attakk tista' tidher ovvja, ħafna nies dan ma jagħmluhx u fil-ħin ta' attakk jiffriżaw, bil-konsegwenza li jistgħu faċilment jispiċċaw jkunu fost il-vittmi.
Wara l-attakki fil-Ġermanja l-ħidma tal-awtoritajiet fir-Renju Unit intensifikat bir-residenti ta' Londra jkunu mħeġġin jirrapurtaw persuni li jistgħu ikunu suspettużi. Mal-Evening Standard Rowley spjega kif kulħadd għandu jkun parteċipi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, billi jkunu preparati wkoll fuq bażi personali waqt li jkunu x-xogħol.
Intant bħalissa f'Londra hemm preżenza iktar qawwija mis-soltu ta' pulizija, speċjalment f'żoni frekwentati minn eluf kbar ta' nies, l-aktar f'Westminister. Il-Kap tal-Pulizija Metropolitana Sir Bernard Hogan-Howe qal li tkun 'ġennata li ninjuraw l-aħħar attakk terroristiku' u qal li attakk fir-Renju Unit huwa 'probabli ħafna'