Bonnici jfaħħar lit-tenur Malti li kanta quddiem ir-Reġina

It-tmien edizzjoni tal-kunċert ta’ Cliff Zammit Stevens se jsir nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru fit 8pm fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici attenda t-tnedija uffiċjali tal-Kunċert tat-Tenur Cliff Zammit Stevens.

Waqt din it-tnedija l-Ministru Bonnici faħħar lil Cliff Zammit Stevens għas-suċċess li għamel lil hinn minn xtutna fejn kellu l-opportunità li anke jesebixxi t-talent tiegħu fir-Royal Albert Hall quddiem ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni. Il-Ministru Bonnici saħaq fuq l-importanza li nkomplu nagħtu appoġġ lit-talent lokali. Huwa tenna li Malta, minkejja li gżira zgħira, mogħnija b’ħafna talent u dan l-appoġġ lejn l-artisti jservi ta’ ġid sabiex il-kultura Maltija tkompli tiżviluppa ’il quddiem.

Huwa faħħar ukoll l-iskema tal-Malta Arts Scholarship Scheme, li tat opportunità lil Cliff Zammit Stevens sabiex ikompli bl-istudji tiegħu permezz ta’ Masters. Huwa qal li skema bħal din tkompli tgħin lit-talent Malti jikber lil hinn minn xtutna. B’hekk tkompli ssaħħaħ l-aspett kulturali Malti u tagħti lura lil poplu Malti u Għawdxi kunċerti ta’ livell fejn jiġi esebit it-talent Malti. It-tmien edizzjoni tal-kunċert ta’ Cliff Zammit Stevens se jsir nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru fit 8pm fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta.

 

More in Politika