Ftehim bejn l-MCST u l-MCAST fil-komunikazzjoni tax-xjenza u gwidi għall-karrieri

 Il-ftehim se joħloq sinerġija bejn l-MCST u l-MCAST li tkompli tiżviluppa r-relazzjoni bejn l-entitajiet. Il-ftehim se joħloq ukoll inkoraġġiment biex jintagħżlu suġġetti tax-xjenza

Illum intlaħaq ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) billi ġie ffirmat Memorandum of Understanding (MoU) bejn iż-żewġ entitajiet.  L-MoU jiffoka fuq l-oqsma tal-komunikazzjoni tax-xjenza kif ukoll fil-gwidi għall-karrieri.

Huwa ppjanat li jiġu offruti apprentistati u esperjenza ta’ xogħol lill-istudenti tal-MCAST fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) partikolarment f’Esplora, iċ-ċentru tax-xjenza interattiva li qed jiġi żviluppat f’Bighi, il-Kalkara. Inizjalment, ix-xogħol se jiġi offrut lil numru ta’ studenti pproponuti mill-MCAST għall-perjodu qasir ta’ żmien, imbagħad, issir selezzjoni ta’ studenti li ser jaħdmu matul ix-xhur tas-sajf.

Dan il-ftehim se joħloq sinerġija bejn l-MCST u l-MCAST li tkompli tiżviluppa r-relazzjoni bejn l-entitajiet. Il-ftehim se joħloq ukoll inkoraġġiment biex jintagħżlu suġġetti tax-xjenza, kif ukoll se jgħin lill-istudenti jiżviluppaw professjonalment u personalment. Dan se jgħin ukoll fit-tranżizzjoni mill-ħajja akkademika għad-dinja tax-xogħol għaliex l-istudenti se jkunu esposti għal esperjenzi u opportunitajiet f’diversi oqsma relatati max-xjenza u l-arti, jitgħallmu jaffaċċjaw l-isfidi li toffri d-dinja tax-xogħol – hands on u joħorġu mill-esperjenza mħarrġa u lesti anke bil-prattika li tgħallmu fit-teorija.

Barra minn hekk, Esplora ser tgħin biex l-istudenti jifhmu aħjar fejn jixtiequ jispeċjalizzaw fil-linji relatati max-xjenza.  Is-Segretarju Parlamenatari għar-Ricerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius kien preżenti għal dan l-avveniment u spjega kif il-Gvern iħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn entitajiet diversi sabiex ir-riżorsi umani li huma limitati f’pajjiż bħal tagħna ma jkomplux jintilfu.  Barra minn hekk, huwa spjega kif dan l-MoU se jkompli jisfrutta l-potenzjal ta’ Esplora u fl-istess hin jattira aktar studenti lejn is-suġġetti tax-xjenza.
 

More in Politika